Lokali

Jitnieda l-programm ta’ Teatru Malta għall-2019

Teatru Malta nieda l-programm tiegħu ta’ produzzjonijiet teatrali li se jittellgħu madwar Malta u Għawdex bl-iskop li jkun żgurat li t-teatru jersaq aktar qrib l-udjenzi mxerrdin mal-gżejjer kollha.

Il-programm jinkludi s-sehem ta’ għadd ta’ prattikanti tat-teatru lokali u artisti internazzjonali, biex b’hekk tkompli tissaħħaħ il-kwalità u tissokta d-diversità fil-proġetti kollha.

Fost dawn, spettakli ta’ ċirku tat-triq, masterclasses dwar il-monologi u festival għat-tfal, bħall-opra għat-tfal ibbażata fuq il-ktieb tat-tfal ta’ Clare Azzopardi ‘Il-Qtates ta’ Max-Xatt’ bid-direzzjoni ta’ Denise Mulholland.

Fost l-oħrajn, fl-istaġun ta’ din is-sena nsibu  kompożizzjoni ta’ The New Victorians għat-tfakkira taċ-ċentenarju tas-Sette Giugno fil-Forti Sant’Iermu, ix-xogħol ta’ Anthony Burgess A Clockwork Orange tradott u interpretat mill-ġdid għal udjenza żagħżugħa kontemporanja, u adattament għall-palk tar-rumanz popolari Pope Joan li se tittella’ fuq barra, fil-foss tal-Imdina.

Fl-isfond tat-teatru storiku City Lights fil-Belt Valletta, li se jinbidel f’boutique hotel fix-xhur li ġejjin, id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar spjega kif kuntrarju għall-perċezzjoni, it-teatru f’Malta mhux mejjet.

Net News tkellem ukoll ma’ Elaine Falzon, li ilha biss għall-aħħar xhur isservi bħala l-Kap tal-Produzzjonijiet ta’ Teatru Malta.

Teatru Malta qed iniedi wkoll skema ta’ season ticket, jiġifieri biljett wieħed li jagħti l-opportunità lil dawk interessati li jużaw biljett uniku għall-produzzjonijiet u bi prezz ferm irħas milli kieku dak li jkun jixtri biljett għal kull produzzjoni.