Lokali Qorti

L-ART TAL-CORINTHIA: Protest ġudizzjarju kontra Joseph Muscat u Konrad Mizzi

Il-konċessjoni ta’ art pubblika f’San Ġiljan lill-Grupp li jmexxi l-Corinthia għal frazzjoni tal-prezz fis-suq wasslet biex il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi jispiċċaw fil-mira ta’ protest ġudizzjarju.

Dan hekk kif il-Ħamis fil-Prim Awla tal-Qorti Civili ddaħħal protest ġudizzjarju minn resident tas-Swieqi, Ivan Mifsud, li jinnota kif il-proġett kif propost se jwassal għal impatt fiż-żona imma fuq kollox ksur ta’ diversi Kodiċi Ċivili.

Mifsud, li hu rappreżentat mill-avukat Natalino Caruana de Brincat, jinnota kif il-Grupp Corinthia ingħata drittijiet bla limitu li jekk jixtieq jista’ jwettaq reklamazzjoni tal-art u jibni fuqha għal skop purament kummerċjali.

Jgħid li, skont il-liġi ta’ Malta, xatt il-baħar u l-qiegħ tal-baħar jitqiesu bħala Demanju Pubbliku u li żvilupp fuq art fid-demanju pubbliku jista’ jsir biss bil-kundizzjoni li l-iżvilupp jintuża b’mod konsistenti man-natura tal-inħawi.

Il-protest ġudizzjarju jinnota wkoll kif, skont il-liġi, deklassifikazzjoni ta’ beni fid-demanju pubbliku għal perjodu definit permezz ta’ riżoluzzjoni parlamentari m’għandiex teċċedi l-mitt sena u trid tkun proporzjonata għall-interess jew benefiċċju tal-pubbliku.

Jinnota li minn dan kollu, il-parti deklassifikata mill-Gvern permezz ta’ riżoluzzjoni parlamentari, għandha tkun speċifika u identifikabbli. Għall-kuntrarju, rapporti fil-midja kixfu illi fil-każ tal-art f’San Ġiljan, l-għotja tal-Gvern kienet waħda bla limitu.

Il-liġi tgħid ukoll li d-deklassifikazzjoni għandha ssir għal skopijiet partikolari u ta’ benefiċċju għas-soċjetà u mhux għal spekulazzjoni tal-privat.

Dan imur kontra dak li se jseħħ f’San Ġiljan, fejn il-grupp Corinthia mistenni jibni lukandi u blokok residenzjali lussuzi fuq art li oriġinarjament ingħatatilhom għal skop esklussivament turistiku. Bic-chairman tal-Grupp Corinthia  din il-ġimgħa jiftaħar illi l-appartamenti se jinbiegħu bi prezz id-doppju minn dak normali.

Il-Protest Ġudizzjarju jgħid li b’dan id-deal, il-Gvern qed jikser il-liġi, u jitlob lill-Prim Minsitru, kif ukoll lill-Ministru Konrad Mizzi li nnegozja din il-konċessjoni mal-Grupp Corinthia, biex jaċċertaw ruħhom li l-liġijiet ta’ Malta ma jinkisrux u biex l-interessi tal-poplu Malti in ġenerali jitħarsu.