Rugby Sport

Malcolm Attard strumentali fir-rebħa ta’ Stompers fuq Overseas

(Ritratt: Warren Sammut)

OVERSEAS………….. 24   STOMPERS………….. 38

Wirja brillanti fl-ewwel nofs tat-tieni taqsima rebbaħ lil Stompers fuq Overseas 38-24. Għalihom spikka Malcolm Attard li għamel 18-il punt waħdu li jfisser kważi nofs il-punti tat-tim.

Stompers kellhom bidu mill-aqwa u marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti bi try ta’ Dragan Cerketa, iżda Dimitri Dubern ġab id-draw bi try għal Overseas ħames minuti wara. Stompers reġgħu marru fil-vantaġġ bi try u conversion fit-13-il minuta ta’ Richard Gum u Malcolm Attard rispettivament, vantaġġ ta’ 12-5 li żammewh sa tmiem l-ewwel taqsima.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Marcos Chaque Robles ta’ Stompers irċieva karta safra, u Overseas ħadu vantaġġ immedjat b’Dimitri Dubern jagħmel it-tieni try personali biex bil-conversion ta’ Aiden Grech għamel l-iskor 12-12. Dan il-perjodu qajjem lil Stompers li għollew ir-ritmu tal-logħba tagħhom u fis-47 minuta Paolo Zanin reġa’ poġġiehom fil-vantaġġ bit-tielet try għat-tim tiegħu biex Malcolm Attard għamilhom 19-12.

Malcom Attard kompla jispikka għat-tim tiegħu u b’żewġ tries u conversion fi spazju ta’ tliet minuti, kabbar il-vantaġġ tat-tim għal 31-12.

Dan id-distakk fl-ewwel kwarta tat-tieni taqsima deher wisq għal Overseas f’dak il-ħin. Huma baqgħu fil-logħba u b’żewġ tries ta’ William Watts bejn id-59 u t-63 minuta kif ukoll conversion ta’ Aiden Grech, id-distakk niżel għal seba’ punti biss u l-logħba reġgħet infetħet bi 17-il minuta għat-tmiem. Kien try ta’ Nicky Maylor ħames minuti mit-tmiem li għalaq il-logħba, b’Malcolm Attard jagħmel l-iskor finali 38-24.

Bidu tajjeb iwitti t-triq għar-rebħa ta’ Falcons

FALCONS……………. 36   KAVALLIERI………. 20

Falcons għelbu lil Kavallieri b’distakk ta’ 16-il punt f’logħba li huma qatt ma kienu minn taħt. Kompliċi mar-rebħa ta’ Falcons kien il-bidu pożittiv li kellhom li għenhom biex setgħu jikkontrollaw il-logħba. Kien wara żewġ minuti li Benjamin Borg għamel l-ewwel try għat-tim tiegħu, bi Pietro Pedrazzi jagħmel it-tieni try tal-logħba u l-conversion ta’ Brendan Dalton wasslet biex Falcons kienu diġà 12-0 wara tmien minuti.

Wara li rċevew żewġ karti sofor, Kavallieri waslu għall-ewwel try tal-logħba wara 33 minuta permezz ta’ Zack Borg, iżda try ta’ Dimitrije Avramovic u conversion ta’ Brendan Dalton irriżulta li Falcons daħlu jistrieħu 19-5. Kavallieri urew sinjali li mhux se jaqtgħu qalbhom u għamlu dak li għamlu Falcons fil-bidu tal-logħba, b’żewġ tries fl-ewwel seba’ minuti minn Max Micallef u Jacob Zammit Randich.

Fl-54 minuta, Llyod Mhiripiri ntwera karta safra minħabba li ripetutament il-plejers ta’ Kavallieri kisru r-regoli, b’Falcons jieħdu vantaġġ immedjat biex reġgħu kabbru l-vantaġġ ħames minuti wara bi try ta’ Daniel Holliday. L-iskor sar 31-15 bi try ta’ Andre Galea u conversion ta’ Dalton fl-64 minuta, li ftit wara ġie muri l-karta s-safra. Jean Pierre Zarb għamilhom 36-15 bi try għaxar minuti mit-tmiem u Ousmane Konate naqqas id-distakk bl-aħħar try tal-logħba.