Lokali Qorti

Suldat jippreżenta protest fuq tkeċċija inġusta

Dak li kien suldat fil-Forzi Armati ta’ Malta ippreżenta protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jallegga li huwa tkeċċa b’mod inġust u li għandu jerġa’ jingħata l-impieg lura. Godwin Schembri, tkeċċa mix-xogġol f’Novembru li għadda fuq ħsara li għamel lill-Forzi Armati ta’ Malta.

Fi protest ġudizzjarju li sar mill-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri, qal li d-deċiżjoni meħuda mill-Kmandant tal-Forzi Armati kienet waħda diskriminatorja u mhux raġonevoli.

Is-suldat, li kien jaħdem bħala Bombadier, kien tilef xogħlu wara l-filmat tiegħu li nxtered fuq il-midja soċjali, u li fi ftit jiem kisbet l-appoġġ ta’ eluf ta’ persuni. Fil-filmat Schembri jidher qed jiżżuffjetta b’xatba, li ma kinitx effettiva biex twaqqaf lil min ikun irid jgħaddi bil-karozza, hekk kif wieħed seta’ sempliċiment jgħaddi minn ma’ ġenbha.

Huwa kien għadda minn ħdejha permezz ta’ Jeep tal-army waqt li kien xogħol fejn ir-ranges ta’ Pembroke fejn hemm kien hemm xatba li suppost xogħolha kien biex ma tħalliex karozzi jgħaddi mill-inħawi.

Kien ingħad ukoll li s-suldati kemm il-darba jkollhom problema ta’ uniformi xierqa biex imbgħad jintefqu flus għal xatba li lanqas biss għandha funzjoni. Il-protest jgħid li l-video li ġibed is-suldat ma kellux l-intenzjoni li jkun ta’ dominju pubbliku u agħar minn hekk Schembri kien qed jiġi kastigat darbtejn għall-istess fatt, fejn l-ewwel spiċċa jaħdem doveri żejda, fost miżura oħra li ħallas għalihom, biex imbgaħat bagħat għalih il-Brigadier, li spiċċa biex keċċieh.

Għaldaqstant minħabba dawn il-fatti, l-Avukati tas-suldat qegħdin jitolbu lill-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jreġġa’ lura d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u għalhekk jerġa jikseb postu lura fil-Forzi Armati. Huma qalu li fin-nuqqas ta’ dan kollu, lesti li jieħdu l-miżuri neċċessarji u jżommuh responsabbli għad-danni kollha li qed isofri.