Futbol Sport

Wara l-aħħar traġedja fil-futbol: Tieqaf it-tfittxija għal Emiliano Sala bl-ajruplan ma jinstabx

L-awtoritajiet ikkonċernati deċidew li jwaqqfu t-tfittxija għall-plejer ta’ Cardiff City, Emiliano Sala u l-pilota tal-ajruplan Piper Malibu li ma deherx aktar fuq ir-radar waqt vjaġġ mill-belt Franċiża ta’ Nantes lejn Wales.

Qabel il-vjaġġ fatali, Sala — li fl-aħħar jiem iffirma mat-tim tal-Premier Ingliż mingħand Nantes għal 15-il miljun Sterlina (nefqa rekord għall-Bluebirds) — kien irritorna fi Franza biex isellem għall-aħħar darba lill-eks-kollegi mal-klabb ta’ Ligue 1.

Intant, l-ajruplan, b’Sala u l-pilota, David Ibbotson, telaq minn Franza matul il-lejla tat-Tnejn u kien qed itir minn fuq iċ-Channel Islands meta għeb fil-viċinanzi ta’ Alderney.

Issa, l-awtoritajiet ħadu d-deċiżjoni biex ma jkomplux ifittxu fil-Kanal Ingliż għall-ajruplan mitluf wara tlett ijiem ta’ ħidma li ma produċewx riżultati.

Dan meta hi ‘remota ħafna’ il-possibbiltà li Sala u Ibbotson baqgħu ħajjin fiċ-ċirkustanzi, bl-awtoritajiet qed jibbażaw l-aħħar deċiżjoni fuq l-informazzjoni li waslitilhom s’issa.

L-iskwadri għas-salvataġġ fl-aħħar jiem fittxew tul 1,700 mil kwadru ta’ art u baħar fiz-zona taċ-Channel Islands, bit-tfittxija tkopri Burhou; l-inħawi ta’ Casquets; Alderney; il-kosta tal-Peniżola ta’ Cherbourg; il-kosta lejn it-tramuntana ta’ Jersey u l-gżira ta’ Sark.

Madankollu, il-familja ta’ Sala qed joġġezzjonaw mal-awtoritajiet, b’oħt Sala, Romina, tindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Cardiff biex titlob li t-tfittxija għal ħuha tkompli ‘għaliex qed tħoss, f’qalbha, li Emiliano għadu ħaj’.

Il-baħar fiz-zona fejn intilef l-ajruplan għandu fond ta’ mitt metru u l-pulizija se jkomplu jitrattaw il-każ ta’ Sala bħala ‘wieħed li jinvolvi lill-persuni nieqsa’.

Il-kelliema għall-awtoritajiet, intant, reġgħu qalu li fl-ebda ħin ma dehru traċċi tal-ajruplan jew tan-nies li kienu ġo fih minkejja l-isforzi intensivi, waqt it-tfittxija, min-naħa tas-sorsi bbażati fiċ-Channel Islands, ir-Renju Unit u Franza.

Qabel telaq minn Nantes lejn Cardiff, fil-lejl tat-Tnejn, Emiliano Sala kien bagħat messaġġ fuq il-WhatsApp fejn, b’ton ċajtier, irrefera għal ‘ċertu sens ta’ biża’ minħabba li kien riekeb f’ajruplan li deher li kien qed jaqa’ biċċiet’.