Lokali Turiżmu

AĠĠORNATA: Azzjonijiet Industrijali mill-ħaddiema tal-Air Malta

Ħaddiema tar-rampa fil-mitjar tal-Ajruport Internazzjonali l-Ħadd li ġej se jibdew b’azzjoni industrijali li se jiehdu l-forma ta’ ‘go slow’ wara nuqqas ta’ qbil mal-amministrazzjoni tal-Air Malta.

Il-kwistjoni titratta r-roster tal-haddiema. Dan hekk kif sistema ġdida ta’ software biex tagħmel din ir-roster se tmur kontra l-ftehim kollettiv li kien ħabbar il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi stess. Infatti nies li tkellmu magħna qalulna li l-Ministru Mizzi kien wiegħed lill-ħaddiema li minn dan it-tibdil se jintmissu biss “xi siegħa ‘l hemm u ‘l hawn”… però issa l-ħaddiema qed jinkwetaw li dan kollu se jisfaxxa.

Il-ħaddiema tar-rampa sostnew magħna li l-ammanistrazzjoni tal-Air Malta qed twebbes rasha għal dan is-software meta fir-realtà dan se joħloq inkonvenjent kbir lill-ħaddiema li ta’ kuljum ikunu fuq il-mitjar biex jagħmlu ħidmiethom. Huma appellaw lill-Air Malta biex taħseb fuq l-impatt li din is-sistema l-ġdida se tħalli fuq il-ħaddiema li jagħmlu x-xogħol fuq barra, u fuq in-numru ta’ sigħat li huma jqattgħu jagħmlu dan.