Sport Sport Ieħor

Djokovic iġib fix-xejn lil Pouille u jgħaddi għall-finali tal-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Is-sid numru wieħed Novak Djokovic żamm mal-aspettattiva biex se jilgħab il-finali tal-Open tal-Awstralja kontra Rafael Nadal wara li ftit sabha diffiċli biex jelimina lil Lucas Pouille fis-semifinali.

Is-Serb ta’ 31 sena, kellu bżonn siegħa u 23 minuta biex rebaħ 6-0, 6-2, 6-2. Djokovic kiser is-service seba’ darbiet u għamel biss ħames unforced errors, bil-Franċiż Pouille ma sabx kaptu tal-avversarju fl-ewwel semifinali tiegħu fi Grand Slam.

Djokovic se jkun qed jilgħab kontra Nadal f’Melbourne għall-ewwel darba mill-finali mill-aqwa ta’ sitt sigħat fl-2012, bis-Serb ħareġ rebbieħ f’dik il-logħba. Djokovic u Nadal rebħu 31 Grand Slam bejniethom. “Definittivament hi waħda mill-aqwa logħbiet li qatt kelli f’dan il-court. Kollox ħadem kif immaġinajt qabel il-logħba u kienet diffiċli għal Lucas,” qal Djokovic wara l-logħba.

Hu qed jimmira li jirbaħ l-Open tal-Awstralja għas-seba’ darba li jfisser li jkun qabeż lil Roy Emerson u Roger Federer. Nadal fuq in-naħa l-oħra jista’ jirbaħ it-18-il Grand Slam fil-karriera u jsir l-ewwel tennist li jirbaħ l-erba’ Grand Slams tal-anqas darbtejn.