Lokali

Ħidma biex lit-tfal ma tinsterqilhomx tfulithom

Irridu naraw li l-ebda tifel u tifla ma tinsterqilhom it-tfulija tagħhom. Bħala leġislaturi rridu naraw li bis-sehem ta’ kulħadd, l-affarijiet jitjiebu.

Hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Benesseri tal-Familja Claudio Grech waqt it-tnedija tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), fil-preżenza wkoll tal-Ministeru tal-Familja Michael Falzon.

Claudio Grech qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet parti mill-bidunett fit-tfassil u fil-proċess leġislattiv ta’ din il-Liġi l-ġdida. Qal li l-politiċi għandhom jidħlu biss sal-Liġi, bil-ħidma ta’ kuljum f’dan il-qasam daqstant delikat għandha titħalla f’idejn il-professjonisti, li jafu sew kif għandhom jagħmlu xogħolhom.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni nnota li ħafna tfal jispiċċaw f’toroq ħżiena, ħafna drabi minħabba l-adulti u għalhekk, din il-Liġi għandha tara li kull deċiżjoni tittieħed fl-interess tat-tfal.

Claudio Grech qal li flimkien mal-Gvern, l-Oppożizzjoni temmen li għandna nitgħallmu mil-Liġijiet u l-istrutturi eżistenti ħalli jitjieb dak li diġà għandna.

Min-naħa tiegħu, u bħall-Kelliem tal-Oppożizzjoni, anke l-Ministru Michael Falzon irringrazzja lil ħafna nies u entitajiet, li taw sehemhom biex il-Liġi setgħet tasal f’dan l-istadju.

Filwaqt li nnota li din mhix Liġi li se ssolvi l-problemi kollha, qal li mhux jiddejjaq jara xi jkun hemm bżonn isir biex jitjiebu l-affarijiet. Tenna li se ssir ħidma mal-Oppożizzjoni għax iż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom l-interess tat-tfal f’qalbhom.