Lokali

Il-komiku Brittanniku Mark Steel bi spettaklu f’Malta

Minn villaġġ żgħir f’Kent, fl-Ingilterra, il-komiku Mark Steel illum-il ġurnata sar isem sinonimu mas-satira fl-Ingilterra u saħansitra kiseb isem fix-xena internazzjonali bi spettakli ‘lil hinn mir-Renju Unit.

F’intervista ma’ Net News, jgħid li kien il-fatt li fil-villaġġ tiegħu ma kien jiġri xejn, li xprunah biex jibda jferraħ lin-nies bis-satira tiegħu.

Fil-ftit sigħat li ilu f’Malta, anke pajjiżna impressjonah, kemm għal affarijiet sbieħ u pożittivi, imma jitfalna wkoll xi botti.

Huma dawn ftit mit-temi li se jiddominaw l-ispettaklu li se jagħti nhar it-Tnejn li ġej, f’San Ġiljan, fejn mhux se jonqsu l-botti lejn pajjiżna … xi ħaġa li tikkaratterizza l-ispettakli satiriċi li jagħti.

U mhux se jonqsu lanqas il-botti politiċi, b’Mark Steel li wkoll f’intervista ta’ ftit minuti, jirrimarka li Malta tbiegħ il-passaporti tagħha.

Iżda b’dawn it-temi li hu jaqbad magħhom f’kull pajjiż li jżur, jistenna li r-reazzjoni tal-udjenza tiegħu tkun imħallta. Hu għalhekk li anke hu jipprova jinċita lil dawk quddiemu.

Iżda minkejja dan kollu, l-appell tiegħu lill-Maltin u l-Għawdxin hu biex ma jiħdux il-ħajja wisq bis-serjetà u jkunu kapaċi jidħqu wkoll bin-nuqqasijiet tagħna bħala poplu.