Internazzjonali

Il-kriżi tal-immigranti: Salvini jista’ ikun akkużat dwar ‘ħtif ta’ persuni’

Matteo Salvini

Qorti fi Sqallija ddeċidiet li l-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, jista’ jiffaċċja akkużi dwar ‘ħtif ta’ persuni’ wara li hu, f’Awwissu, żamm għexieren ta’ refuġjati milli jiżbarkaw (f’pajjiżu) minn bastiment tal-gwardjani tal-kosta Taljan.

Il-prosekuturi fi Sqallija, intant, qalu li Salvini, politiku estremista tal-lemin, żamm lil 177 immigrant bħala ‘ostaġġi’ wara li ħallihom iżolati fuq il-bastiment.

Dan meta l-Kunsill tal-Ewropa esprima tħassib dwar is-sentimenti xenofobiċi li qegħdin ifeġġu fl-Italja.

Salvini hu l-Kap tal-Partit tal-Lega li qed imexxi lill-Italja bħala parti minn koalizzjoni mal-Moviment Cinque Stelle. Intant hu bagħat filmat fuq Facebook fejn qal li ‘jammetti li ma ħalliex lill-immigranti jinżlu fl-Italja u li mhemm l-ebda bżonn ta’ proċess tal-qorti għaliex dan huwa kollu minnu u hu lest biex jirrepeti l-azzjoni’.

Salvini kiteb (fuq Facebook) li ‘m’għandux il-kliem għal sitwazzjoni fejn hu qed jissogra minn tlieta sa 15-il sena ħabs talli waqqaf l-inżul illegali tal-immigranti fl-Italja.

L-akkużi kontra Salvini kienu tressqu mill-prosekuturi ta’ Katanja li qalu li l-Kap tal-Lega, effettivament, kien żamm lill-177 immigrant bħala ‘ostaġġi’ meta rrifjuta li jħallihom jinżlu mill-bastiment Ubaldo Diciotti li kien salvahom fil-Mediterran.

Wara li l-immigranti damu ġimgħa fuq dan il-bastiment, l-Irlanda, l-Albanija u l-Knisja Kattolika qablu li jieħdu ħsieb ir-rilokazzjoni ta’ dawn in-nies li, fil-maġġoranza, kienu qegħdin jaħarbu mill-faqar u l-konflitt tal-Eritrea.