Lokali

Il-kunsilli lokali jibqgħu ma jiġux ikkonsultati

Waqt li bħalissa jinsab għaddej il-famuz pjan tal-Gvern ta’ bini ta’ toroq – proġett li se jiswa 700 miljun ewro minn flus il-poplu, ħafna Kunsilli Lokali qed jilmentaw għall-fatt li mhux qed jiġu konsultati dwar it-toroq magħżula u x-xoghol kif se jsir.

Proġett li se jinkludi miljuni kbar ta’ ewro li se jmorru biex numru ta’ toroq Maltin jingħataw kisja tarmak biex imbagħad jerġgħu jsiru iktar tard.  B’każijiet ukoll ta’ toroq li mhemmx bżonn li jiġu rranġati iżda xorta qed jinqalghu. Dan kollu bi flus li se jittieħdu mill-fondi pubbliċi.

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalità ta’ Ta’ Xbiex Eugenio Mizzi, ikkonferma dan kollu fejn qal li bħala parti minn dan il-proġett tal-Gvern, triq partikolari f’din il-lokalità qed terġa’ ssir wara li din kienet diġà ġiet irranġata mill-Kunsill Lokali.

Fi kliem sempliċi – il-Kunsill Lokali investa l-flus għall-ġid tar-residenti. Ġie l-Gvern, u qala’ kollox!

F’post fuq facebook Mizzi qal li għal darb’oħra qed naraw illi is-suppost gvern li jisma’ mhu jikkonsulta xejn…u l-Kunsill fl-ebda ħin ma kien jaf x’xogħol kien se jsir.

Triq Sir Temi Zammit, inqalgħet u se tingħata t-tarmak meta din it-triq kienet fi stat tajjeb ħafna. U dan meta f’Ta’ Xbiex hemm toroq ferm agħar minn din it-triq bħal pereżempju Triq Abate Regord, Triq ix-Xatt, Triq l-Imrad u Triq ir-Rampa…li jeħtieġ isiru.

Il-ħaddiema qed ikisru il-bankini ta’ Triq Sir Temi Zammit u qed jinbidlu l-kanen tal-ilma meta dawn kienu nbidlu mill-kunsill lokali ta’ Ta’ Xbiex bi spejjeż li ammontaw għal madwar €8000 …inqas minn sentejn ilu.

Dan kollu jkompli jikkonferma dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ilu xhur sħaħ jitfa’ dawl fuq il-fatt li l-flus tan-nies ma jistgħux jintużaw hekk, u jekk isir progett dan għandu jsir għax verament hemm bżonnu, u mhux jinħlew il-flus fix-xejn.