L-entitajiet kollha għandhom jaħdmu flimkien u spalla ma’ spalla mal-Kunsilli Lokali jekk verament irridu li r-Riforma ppjanata għal dan is-settur tħalli l-frott mixtieq.
Hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar waqt seminar ta’ ġurnata organizzat mid-Diviżjoni tal-Kunsilli Lokali fil-Forti Sant’Anġlu.
Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni temmen li inutli nitkellmu dwar riformi jekk ma jkunx hemm rieda li naħdmu flimkien. Għax b’hekk biss, verament naraw li din ir-Riforma ttejjeb lill-Kunsilli Lokali.
Robert Cutajar fakkar li għal din ir-Riforma, l-Oppożizzjoni ppreżentat 80 proposta, b’enfażi partikolari fuq is-sigurtà u l-aspett soċjali, fost l-oħrajn. Qal li bil-ħidma tal-Kunsilli Lokali, hu importanti li ssir differenza fil-ħajja tar-residenti.
Min-naħa l-oħra, hu appella lill-Kunsilli Lokali biex jipparteċipaw f’attivitajiet u f’laqgħat li jsiru minn awtoritajiet differenti. U fl-istess waqt, hu importanti wkoll li l-Kunsilli jagħmlu użu sew mir-riżorsi umani tagħhom, tenna Robert Cutajar.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista mhux beħsiebu jikkritika biss, iżda anke bit-80 proposta li ppreżenta s’issa, qed juri biċ-ċar li jrid ikun parteċipi fit-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali, 25 sena wara li wellidhom Gvern Nazzjonalista.
Sadanittant, is-seminar inkluda wkoll interventi minn għadd ta’ Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi. Segwew u intervjenew ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Kunsilli Lokali Natalino Attard, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Kunsilli Lokali Johan Galea, is-Segretarju Permanenti Ewleini Mario Cutajar u s-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Silvio Parnis.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kunsilli Lokali Owen Bonnici daħal fil-post ftit qabel id-diskors tiegħu stess, tant li s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis kellu jtawwal l-intervent tiegħu sal-wasla tal-Ministru Bonnici.
//= $special ?>