Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem jilqgħu l-ftehim dwar id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol

Jinsistu li l-Gvern Malti jikkonsulta biex jassigura li ma jkunx hemm piż żejjed fuq in-negozji

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, kif ukoll l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, permezz tal-Malta Business Bureau esprimew sodisfazzjon u laqgħu l-ftehim milħuq ilbieraħ bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri dwar id-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol. F’isem il-Parlament Ewropew, din id-Direttiva tmexxiet u ġiet innegozjata mill-MEP Malti David Casa.

Fi stqarrija konġunta, ġie spjegat kif matul l-aħħar xhur, il-Malta Business Bureau, wettqet lobbying fi Brussell għan-nom tal-MHRA u tal-Kamra tal-Kummerċ, bil-għan li l-impatt tad-drittijiet il-ġodda għall-ħaddiema ma jkunux ta’ piż fuq in-negozji.

It-tliet organizzazzjonijiet qalu li jappoġġjaw b’mod qawwi l-għanijiet tal-ugwaljanza, li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u li jkun hemm bilanċ b’saħħtu bejn il-ħajja u x-xogħol. Madankollu, sostnew l-għaqdiet, dan m’għandux ikun ta’ piż fuq il-kumpaniji.

Il-President tal-Malta Business Bureau Simon De Cesare faħħar il-fatt li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu aktar viċin iċ-ċittadini, u li jirriflettu r-realtajiet ekonomiċi tal-pajjiż.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank V. Farrugia qal li filwaqt li Malta diġà għandha prattiċi favur il-familji, hu importanti li ma jiżdiedux l-ispejjeż għan-negozji u għalhekk hemm bżonn soluzzjonijiet li jkunu tajbin għal kulħadd.

Minn naħa tiegħu, l-President tal-MHRA Tony Zahra qal li issa jistenna li jkun hemm djalogu soċjali u li l-ispejjeż ma jġorrhomx min iħaddem.

Id-Direttiva l-ġdida, li l-MEP David Casa ilu jaħdem fuqha minn Ottubru 2017, se tintroduċi
– 10 t’ijiem leave tal-missirijiet li jkun imħallas mhux inqas mill-livell tal-ħlas tal-leave tal-mard,
– 4 xhur ta’ leave tal-ġenituri li xahrejn minnu se jkunu mħallsa u mhux trasferibbli,
– id-dritt li jintalbu arranġamenti għall-ħidma flessibbli, u
– 5 t’ijiem leave tal-carers għal dawk li jridu jieħdu ħsieb il-qraba.

Jingħalqu n-negozjati dwar id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol