Lokali Qorti

Kumpens ta’ €3000 għal 17-il eks ħaddiem tat-tarzna

Sbatax-il eks ħaddiem tat-tarzna, li wħud minnhom illum m’għadhomx ħajjin ingħataw mill-Qorti kumpens ta’ €3000 kull wieħed wara li fl-2015 huma kienu fittxew legalament għad-danni lid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Pubblika, l-Kap Eżekuttiv tas-Saħħa fuq il-post tax-xogħol u l-Avukat Ġenerali.

Huma kienu qalu li kienu esposti għal materjal relatat mal-asbestos, li jagħmel ħsara kbira lill-bniedem meta ma jkunx hemm il-prekawzjonijiet ta’ sigurta’ adekwata.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Imħallef Anna Felice kienet mitluba biex tiddikjara li minħabba l-fatt li kien hemm nuqqas li wieħed jipprovdi sigurta’ fuq il-post tax-xogħol jew ambjent ta’ ħarsien sigur, il-post tax-xogħol tagħhom kien ikkommetta nuqqas fuq id-dritt tal-ħajja tagħhom u l-ħajja tal-familja privata tagħhom u għalhekk kellhom jiġu likwidati danni favur tagħhom.

Minn naħa tad-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Pubblika, l-Kap Ezekuttiv tas-Saħħa fuq il-post tax-xogħol u l-Avukat Ġenerali qalu fis-sottomissjonijiet tagħhom, li ma hemm l-ebda prova li l-espożizzjoni tal-asbestos kienet l-unika raġuni għal problemi ta’ saħħa tagħhom.

Il-Qorti nnutat li ħadd minn dak li fetħu l-każ ma nstab li kienu jbatu mill-kanċer, iżda bagħtew minn kundizzjonijiet anqas serji minħabba l-asbestos. L-ewwel liġi biex tipproteġi l-ħaddiema kienet introdotta fl-2003 minkejja li l-asbestos kien twaaqaf milli jiġi mpurtat f’Malta fis-snin 80.

Il-qorti qalet ukoll li hija konvinta fuq bażi ta’ probabbilita’ li l-eks ħaddiema kienu esposti għat-trab mill-asbestos waqt li kienu jaħdmu fit-tarzna u dan fuq il-bażi ta’ xhieda ta’ esperti u deċiżjonijiet ta’ Qrati oħra fuq din il-materja.

Meta ġiet ikkwotata liġi fuq is-suġġett, il-Qorti qalet li l-Gvern Malti kien jaf, jew messu kien jaf fuq il-periklu mill-espożizzjoni tal-asbestos, mill-anqas sa lura mill-bidu tas-snin 70. Ingħad ukoll li minkejja li ħafna mill-eks ħaddiema kienu qegħdin jilmentaw minn problemi fin-nifs, dawn kienu wkoll jinsabu f’eta’ avvanzata, u li ħadd minnhom ma xehed dwar kif il-kundizzjoni affettwat il-ħajja tagħhom, saħqet il-Qorti. Dawn il-fatturi wasslu biex l-istess Qorti tasal għal figura ta’ €3000 bħala kumpens għas-sofferiment ikkawżat.