Is-Senat ta’ Washington ċaħad żewġ abbozzi intiżi għat-tmiem tal-paraliżi – jew shutdown – tal-Gvern, bir-riżultat li mhemm l-ebda xaqq ta’ dawl f’sitwazzjoni fejn numru ta’ aġenziji federali baqgħu magħluqin għal perjodu rekord.
Il-leġislazzjoni tal-Partit Repubblikan fil-Gvern u l-leġislazzjoni mressqa mill-Partit Demokratiku ma kisbux is-60 vot meħtieġa ( fis-Senat) biex jgħaddu u dan ifisser li mat-800,000 ħaddiema federali li għandhom il-kontijiet xi jħallsu reġgħu tilfu paga oħra li kellha titħallas proprju llum.
Il-paraliżi issa ilha għal 34 jum u tidher li se tkompli fit-tul. Dan meta x-shutdown hu diġà l-itwal wieħed fl-istorja tal-Istati Uniti.
Sitt Repubblikani – fosthom Mitt Romney, l-eks-kandidat għall-White House u s-Senatur għal Utah – ivvutaw għall-abbozz tad-Demokratiċi li, kieku għadda, kien jippermetti għall-funzjonijiet tal-Gvern sat-8 ta’ Frar.
Sadanittant, kien hemm Demokratiku konservattiv fis-Senat li appoġġja l-miżura tar-Repubblikani li –kieku għaddiet — kienet tipprovdi l-$5.7 biljuni li jrid il-President Amerikan Donald Trump għall-bini tal-ħajt mal-Messiku.
Il-miżura inkwistjoni anki kienet tiddefendi lil xi residenti fl-Istati Uniti (li kienu daħlu fil-pajjiż mingħajr dokumentazzjoni, bħala tfal) mill-proċess tad-deportazzjoni – talanqas għal żmien temporanju.
Wara l-votazzjoni, il-kapijiet taż-żewġ partiti fis-Senat iddiskutew proposta ġdida biex l-aġenziji federali jinfetħu mill-ġdid għal tliet ġimgħat.
Min-naħa tiegħu, Trump irrifjuta li jikkommetti ruħu waqt li qal lill-ġurnalisti fil-White House li hu għandu jiffirma abbozz biss f’każ li dan jinkludi ‘l-ħlas ta’ flus bil-quddiem’ għall-ħajt mal-fruntiera.
Intant, l-Ispeaker Nancy Pelosi, bħala l-Kap Demokratiku tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti, qalet li t-talba tal-President Trump ma kenitx waħda raġjonevoli.
Qabel il-vot fis-Senat, stħarriġ ta’ opinjoni tal-Associated Press wera li s-sitwazzjoni ta’ shutdown ħalla impatt negattiv għall-popolarità ta’ Trump.
//= $special ?>

