Futbol Sport

L-organizzaturi l-Brażil b’polza favorevoli fi Grupp A tal-Copa America

(Ritratt: EPA)

L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja tal-2022 il-Qatar se tilgħab kontra l-Arġentina fil-Copa America ta’ dan is-sajf. Il-Qatar flimkien mal-Ġappun, huma mistiedna speċjali għal din l-edizzjoni li se ssir fil-Brażil, se jilagħbu għall-ewwel darba barra l-Asja. Il-Ġappun telgħu fl-istess grupp mal-Urugwaj u ċ-champions iċ-Ċili. It-tournament jibda fl-14 ta’ Ġunju.

Din l-idea li jkunu mistiedna nazzjonijiet barra l-Amerika ta’ Isfel, ilha mill-1993. F’kull edizzjoni jkunu mistiedna żewġ nazzjonijiet biex itellgħu t-total għal 12-il parteċipant. Qabel seħħet din il-bidla, it-timijiet kienu jinqasmu f’żewġ gruppijiet ta’ ħamsa.

Oriġinarjament kien hemm il-ħsieb li f’din l-edizzjoni jkun hemm 16-il tim, b’sitt timijiet Asjatiċi li kienu se jieħdu sehem iżda finalment kienu l-Ġappun u l-Qatar li se jieħdu sehem. L-ewwel żewġ timijiet minn kull grupp jikkwalifikaw mal-aħħar tmienja, flimkien mal-aqwa tnejn li spiċċaw fit-tielet post. Il-finali tintlagħab fis-7 ta’ Lulju.

Iċ-Ċili rebħet l-aħħar żewġ edizzjonijiet iżda l-Brażil għandhom jibdew favoriti. Wieħed għad irid jara jekk Lionel Messi hux se jirritorna mal-Arġentina wara li ilu ma jilgħab mit-Tazza tad-Dinja. L-Arġentina rebħet il-Copa America 14-il darba iżda l-aħħar rebħa tagħhom kienet fl-1993.

Il-gruppi

Grupp A – Brażil, Bolivja, Veneżwela, Perù

Grupp B – Arġentina, Kolombja, Paragwaj, Qatar

Grupp Ċ – Urugwaj, Ekwador, Ġappun, Ċili