Monaco keċċew b’mod uffiċjali lil Thierry Henry u reġgħu ħatru lil Leonardo Jardim bħala l-kowċ tagħhom. Il-klabb Franċiż kien issospenda lil Henry il-Ħamis b’effett immedjat wara sensiela negattiva u ħabbru uffiċjalment it-tneħħija tiegħu wara biss tliet xhur fit-tmexxija.
L-eks attakkant ta’ Arsenal kien ħa t-tmexxija proprju mingħand Jardim fit-13 ta’ Ottubru. Hu kien iffirma kuntratt sa Ġunju tal-2021 wara li ħalla l-kariga ta’ assistent kowċ tal-Belġju, iżda ftit għamel suċċess fil-perjodu qasir li kellu. F’din l-ewwel ħatra tiegħu bħala kowċ, Monaco rebħu biss żewġ logħbiet minn 12 fil-Ligue 1 u ġimgħa ilu kienu megħluba 5-1 f’darhom minn Strasbourg.
Jardim iffirma kuntratt ta’ sentejn u nofs. Franck Passi li riċentament inħatar assistent ta’ Henry, mexxa s-sessjoni ta’ taħriġ ilbieraħ u se jmexxi lit-tim għall-impenn li jmisshom kontra Dijon.
Il-Viċi President ta’ Monaco Vadim Vasilyev wera l-gratitudni lil Henry talli aċċetta l-isfida li jipprova jmexxi l-eks tim tiegħu f’perjodu diffiċli. “Probabbilment kellu bżonn aktar ħin biex jimplimenta l-pjanijiet tiegħu. Min-naħa tagħna, sfortunatament ma għandniex dak iż-żmien. Irridu nwettqu reazzjoni mingħajr dewmien,” kompla Vasilyev.
Monaco li f’dan ix-xahar iffirmaw lil Cesc Fabregas, Naldo, Fode Toure u Lyle Foster, it-Tlieta li għadda kienu eliminati mil-Coupe de France wara li sfaw megħluba 3-1 f’darhom kontra t-tim tal-Ligue 2 Metz.
//= $special ?>