Futbol Sport

Manchester United jegħlbu l-ostaklu ta’ Arsenal u javvanzaw mal-aħħar 16 tal-FA Cup

(Ritratt: EPA)

Manchester United komplew il-mument pożittiv tagħhom meta fl-Emirates Stadium eliminaw lil Arsenal b’rebħa ta’ 3-1. Logħba miftuħa bejn żewġ timijiet li kellhom il-mumenti tagħhom, bir-Red Devils jieħdu vantaġġ minn diversi spazji fid-difiża ta’ Arsenal.

Il-gowl ta’ Aubameyang qabel tmiem l-ewwel taqsima ta nifs ġdid lil Arsenal li fit-tieni taqsima poġġew il-pressjoni fuq l-avversarji. Manchester United kellhom joperaw bil-kontrattakk, bil-Franċiż Paul Pogba ħafna drabi jkun dak il-plejer li jagħmel ġirjiet twal biex jeqleb minn difiża għal attakk.

Kienu Manchester United li fetħu l-iskor fil-31 minuta meta Romelu Lukaku fetaħ id-difiża ta’ Arsenal b’passaġġ vertikali lejn Alexis Sanchez li għeleb in-nasba tal-offside, dar ma’ Petr Cech u skorja minn pożizzjoni ftit angolata.

Ir-Red Devils irduppjaw żewġ minuti wara meta d-difiża ta’ Arsenal għal darba oħra kienet miftuħa. F’kontrattakk, Romelu Lukaku rċieva ballun fuq il-lemin, avvanza u f’okkażjoni ta’ tliet attakkanti ma’ żewġ difensuri, qassam għan-nofs lejn l-iżmarkat Jesse Lingard li bil-kalma kollha għeleb lil Cech b’xutt fil-baxx.

Arsenal reġgħu daħlu fil-logħba fit-43 minuta meta f’azzjoni minn fuq ix-xellug, Aaron Ramsey ikkrossja għan-nofs lejn Alexandre Lacazette li mattar siequ biex il-ballun spiċċa għand Pierre-Emerick Aubameyang li skorja f’lasta vojta mill-qrib.

Il-pressjoni ta’ Arsenal fit-tieni taqsima bdiet twassal biex Manchester United jiddefendu għal ħinijiet twal, iżda fl-istess ħin id-difiża ta’ Arsenal kompliet tinfetaħ.

Kien fit-82 minuta li t-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer għalaq il-logħba. Id-difiża ta’ Arsenal inqabdet għal darba oħra, b’Pogba jagħmel ħarba twila li baqa’ żmarkat fiha, ix-xutt tiegħu kien salvat parzjalment minn Cech, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ Anthony Martial li skorja f’lasta vojta.

Tags