Lokali Qorti

Protest fuq dewmien mill-Qorti Kostituzzjonali f’każ ta’ raġel misjub ħati fuq attentat ta’ qtil

Raġel li jinsab il-ħabs fuq reat ta’ attentat ta’ qtil ipprezenta protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili minħabba dak li qed jissejjaħ dewmien biex il-kaz tiegħu jiġi deċiz mill-Qorti Kostituzzjonali.

Stephen Pirotta, ta’ 48 sena, minn Ħal-Luqa kien mar 18-il sena ħabs fl-2010 wara li kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina f’sider persuna f’karozza wara li ħebb għalih fit-triq f’Ħal Qormi. Il-vittma kien qed jipprotesta ma’ Pirotta li meta r-raġel qalgħu bil- karozza, laqatlu l-mera tal-ġemb. Fil-Qorti dakinhar kien instema’ kif il-vittma, ħames snin qabel, ipprova jasal bil-karozza tiegħu fl-isptar San Luqa imma ħassu ħażin meta kien wasal il-Ħamrun. Kien ittieħed l-isptar b’ambulanza u ħajtu ġiet salvata minħabba intervent f’waqtu.

Fil-protest tiegħu Pirotta qed jgħid li xejn anqas minn 14-il seduta quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fil-kaz tiegħu kienu posposti u dan biex tingħata sentenza. “L-istess seduta Kostituzzjonali ilha tiġi posposta għas-sentenza għal kwazi sena u nofs, mill-20 ta’ Ġunju tal-2017”, jgħid il-protest.

Fi proċeduri Kostituzzjonali fuq drittijiet mittiefsa ta’ Drittijiet Umani, dewmien bħal dan mhux aċċettabbli u huwa ksur tal-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea. Pirotta li qed iservi 18-il sena ħabs kien qed jitlob lill-Qorti terġa’ tisma’ l-każ tiegħu hekk kif qed isostni li nstab ħati tar-reat minħabba d-dikjarazzjoni li hu kien ta lill-Pulizija meta ma kienx fil-preżenza tal-avukat. Fl-appell is-sentenza fil-konfront tiegħu kienet ġiet konfermata.

Pirotta kien fetaħ każ kontra l-Avukat Ġenerali u kontra l-Kummissarju tal-Pulizija jitlob li l-ġuri jerġa’ jinstema’ mill-ġdid. Ir-raġel qed jinsisti li meta ta l-istqarrija lill- Pulizija, f’Settembru tal-2005, ma kienx ingħata d-dritt ta’ assistenza legali u li l-ammissjoni tiegħu kienet kruċjali għax-xhieda għax kieku l-każ aktarx ma kienx jiġi solvut.

Minkejja li meta seħħ l-inċident, il-liġi Maltija kienet għadha ma tagħtix id-dritt tal- assistenza legali, l-avukati tar-raġel qed jikkwotaw sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li qalet li n-nuqqas ta’ dan id-dritt hu ksur tad- drittijiet fundamentali.

L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia, u l-Prokuratur Legali Gerald Bonello ikkwotaw sentenza oħra tal-istess Qorti fl-2008 li tgħid li l-aħjar mod kif tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni hi li jerġgħu jinfetħu l-proċeduri legali.