Sport Waterpolo

San Ġiljan v Neptunes fl-ewwel ġurnata tat-tieni edizzjoni tal-Enemed Cup

(Ritratt: Martin Agius)

Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Enemed Cup San Ġiljan TUM Invest se jiftħu l-impenji tagħhom kontra r-rivali Neptunes Leo Vegas hekk kif illum telgħu l-poloz tat-tieni edizzjoni li tiftaħ l-istaġun tal-Waterpolo għal din is-sena.

B’kollox se jieħdu sehem seba’ timijiet, bit-timijiet tal-Ewwel Diviżjoni Marsaxlokk, Marsaskala, Ta’ Xbiex u Otters jagħżlu li ma jipparteċipawx. Il-format tal-kampjonat se jara lis-seba’ timijiet jilagħbu kontra xulxin, bl-ewwel erba’ timijiet jgħaddu għall-play-offs.

Min jispiċċa r-rawnd fl-ewwel post jilgħab kontra min spiċċa r-raba’, b’dawk li jispiċċaw it-tieni u t-tielet jaffrontaw lil xulxin. It-telliefa ta’ dawn il-logħbiet jilagħbu għat-tielet u r-raba’ post filwaqt li r-rebbieħa jilagħbu l-finali fid-19 ta’ Marzu.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran tenna li jekk pajjiżna jrid jgħolli l-livell irid ikun attiv kemm jista’ jkun u qal li minħabba li l-Enemed Cup hi l-ewwel kompetizzjoni tas-sena żżid fl-importanza tagħha.

Caruana Curran għamel referenza għall-investiment tal-klabbs biex iġibu barranin tal-ogħla kwalità fejn żied li llum il-klabbs kważi kollha qed iġibu kowċis barranin is-sena kollha u jinsab persważ li l-livell fl-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa se jkun tajjeb. Il-President tal-ASA kompla li bħalissa hemm €40,000 f’fond tal-iżvilupp biex il-klabbs jibagħtu lill-plejers żgħażagħ jitħarrġu barra u jittama li dan il-fond jikber biex jiżdied l-investiment individwali.

Din is-sena se tkun importanti wkoll għall-Waterpolo dinji hekk kif se jidħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda ta’ dan l-isport. Joe Caruana Curran qal li se tingħata ħarsa lejhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u kkonferma li kemm l-Enemed Cup kif ukoll il-Kampjonat tax-Xitwa se jintlagħbu bir-regoli preċedenti.

Bħala għajnuna għal din it-tranżizzjoni, il-President tal-ASA qal li bejn it-tmiem tal-Kampjonat tax-Xitwa u l-bidu tal-Kampjonat tas-Sajf se jinġieb f’pajjiżna s-Segretarju tal-Kumitat Tekniku tal-Waterpolo Dejan Perisic li flimkien ma’ referee se jkunu f’pajjiżna biex jaġġornaw lil dawk involuti b’dan it-tibdil.

Hu esprima l-ħsieb li dawn ir-regoli jkunu implimentati fl-Enemed Cup biex jilħqu jindraw iżda kompla li r-regoli għadhom iridu jsiru uffiċjali mil-LEN fejn anki l-kompetizzjonijiet barra minn Malta għadhom bir-regoli l-antiki. Caruana Curran qal li l-ASA qablet ma’ dawn ir-regoli l-ġodda u flimkien mal-pajjiżi l-kbar fl-Ewropa opponew li jinbidlu xi regoli, fosthom li jilagħbu sitt plejers flok sebgħa, il-ballun isir size 4 filwaqt li l-pixxina tinżel għal 25 metru, xi ħaġa li fil-fatt ma daħlux fis-seħħ.

L-ewwel ġurnata

2 ta’ Frar – San Ġiljan v Neptunes , Sirens v Valletta , Sliema v Birżebbuġa