Internazzjonali

Spanja: Jużaw l-isplussivi f’tentattiv biex isalvaw lit-tifel mill-bir

L-iskwadri tas-salvataġġ Spanjoli li qegħdin ifittxu għal tfajjel ta’ sentejn li kien waqa’ f’qigħ ta’ bir madwar ġimgħatejn ilu, issa bdew jużaw l-isplussivi bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ispazju dejjaq li jaħsbu li nqabad fih.

Iċ-ċkejken Juan Rosello, li għad għandu biss sentejn, spiċċa f’din is-sitwazzjoni wara li kien mexa ‘il hinn mill-ġenituri tiegħu waqt li kienu f’zona ddominata mill-muntanji qrib il-belt ta’ Totalan, lejn il-grigal ta’ Malaga.

Sadanittant, l-uffiċjali ma jridux jgħidu jekk it-tfajjel jistax għadu ħaj wara dan iż-żmien kollu.

‘Il fuq minn 100 ħaddiem għall-emerġenzi ħadu sehem fit-tfittxija ddisprata għat-tfajjel iżda l-bokka li waqa’ minn ġo fiha – b’wisgħa ta’ 25 ċentimetru – qed titqies bħala kważi inaċċessibbli. Dan meta l-awtoritajiet jaħsbu li l-bir inkwistjoni għandu fond ta’ madwar 100 metru.

Madankollu, bħalissa għaddej xogħol ta’ tħaffir intensiv bit-tama li l-iskwadri għall-emerġenza jibnu network ta’ mini bil-għan li jilħqu liċ-ċkejken taħt l-art. Dan fost rapporti li l-ħaddiema ‘qegħdin jirrikorru għall-isplussivi’ biex ikollhom speċi ta’ aċċess minn ‘ħajt ta’ erba’ metri magħmul mill-blat iebes’.

Illum l-uniċi sinjali jew traċċi ta’ Julen huma partijiet minn xagħru u borża ħelu li kellu f’idejh fil-ħin meta hu sparixxa minn ġol-ħofra.

Minkejja li għad mhemm l-ebda ħjiel li t-tfajjel jista’ għadu ħaj, l-impenn tas-salvataġġ għandu jkompli ‘fuq il-bażi li mhux kollox mitluf fiċ-ċirkustanzi’.