Lokali

Speed camera twaħħlet “bi żball”

Kien żball meta twaħħlet speed camera fi triq partikolari fin-Naxxar.

Din kienet l-iskuża li s-Sindku tal-lokalità Ann Marie Muscat Fenech Adami ngħatat minn Transport Malta wara l-kontroversja li nqalgħet dwar speed camera fi Triq San Pawl.

Ma’ NET News, is-Sindku spjegat li minkejja li Transport Malta dejjem tiftaħar li titkellem mal-Kunsilli Lokali dwar affarijiet li jolqtuhom direttament, hu ċar li dan hu wieħed minn dawk fejn id-diskussjoni ma saritx.

Ann Marie Muscat Fenech Adami qalet li bħala Sindku ma tistax tifhem kif awtorità bħal Transport Malta tistenna li n-nies igergru qabel ma tieħu azzjoni. Dan meta speed camera f’dak il-post partikolari wassal għal ħafna tgergir u kien għalhekk, li ħarġu bl-iskuża li dan kien żball.

Fil-fatt, it-twaħħil ta’ speed camera fi Triq San Pawl, qrib post li jintuża’ għal diversi avvenimenti u riċevimenti, qajjem kontroversja fuq il-media soċjali sakemm Transport Malta kellha tneħħiha.

L-istorja kienet kibret wara rapport fis-sit Newsbook.com.mt, u eventwalment kienet ukoll ħarġet stqarrija mill-istess Kunsill Lokali.