Futbol Sport

Thierry Henry sospiż minn kowċ ta’ Monaco

L-esperjenza ta’ Thierry Henry fit-tmexxija ta’ Monaco damet biss 20 logħba hekk kif fi stqarrija uffiċjali lbieraħ filgħaxija, tħabbar li ġie sospiż mill-klabb f’dik li hi proċedura li twassal għat-tneħħija tiegħu. Is-suċċessur tal-Franċiż mistenni jkun proprju Leonardo Jardim, li kien il-predeċessur ta’ Henry ftit aktar minn tliet xhur ilu.

Monaco li rebħu l-kampjonat fl-2017, jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni wara ħames rebħiet biss taħt Henry fil-kompetizzjonijiet kollha. Franck Passi li nħatar assistent ta’ Henry fl-20 ta’ Diċembru, mexxa s-sessjoni ta’ taħriġ illum. Fil-passat, Passi kien mexxa b’mod temporanju lil Olympique Marseille u Lille.

Għal Henry dan kien l-ewwel irwol tiegħu bħala kowċ wara li fil-passat kien assistent kowċ tat-tim nazzjonali Belġjan. Qabel ħa t-tmexxija ta’ Monaco, Henry kien qed jissemma li jista’ jsir manager ta’ Aston Villa.