L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) qed twissi lill-pubbliku dwar entità li
topera bl-isem Bitcoin Revolution.
Fi stqarrija, l-MFSA qalet illi din l-entita’ qed tagħmel promozzjoni permezz ta’ reklami u paġni fuq il-medja soċjali billi tagħqqad is-sit elettroniku tagħha ma diversi personalitajiet lokali mingħajr il-kunsens tagħhom. Iktar minn hekk, dan is-sit elettroniku qiegħed jagħmel rapporti foloz ta’ profitti magħmula min dawn l-individwi.
L-MFSA qed tavza lill-pubbliku f’Malta u barra minn Malta li sa din il-ġurnata l-ebda entita’
ma ġiet awtorizzata taħt l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali (Kapitolu 590 tal-liġijiet ta’ Malta).
Bitcoin Revolution mhix liċenzjata jew awtorizzata b’xi mod ieħor mill-MFSA biex tipprovdi xi
servizzi ta’ investimenti finanzjarji li għalihom hi meħtieġa liċenzja jew awtorizzazzjoni oħra taħt
il-liġi Maltija.
Aktar minn hekk, informazzjoni disponibbli għand l-MFSA tindika li Bitcoin Revolution aktarx li
hi skema ta’ ‘cryptocuurency’ internazzjoni li tħajjar individwi biex “isiru sinjuri malajr”.
Għaldaqstant, konsumaturi tas-servizzi finanzjarji m’għandhomx jidħlu f’negozju jew
tranżazzjonijiet ma Bitcoin Revolution.
L-MFSA qed tappella lill-investituri u konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex qabel ma jagħmlu
kwanlunkwe investiment jew jidħlu f’ebda transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji jaċċertaw lilhom
infushom li l-entità, li magħha qed isir l-investiment jew it-transazzjoni, hija awtorizzata li
tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji kif
applikabbli.
Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill- Awtorità hija disponibbli mingħand l-MFSA u tista’ tiġi aċċessata
minn fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA fuq http://www.mfsa.com.mt/pages/licenceholders.aspx.