Internazzjonali

Vot fil-Greċja li jappoġġja l-ftehim storiku mal-Maċedonja

Id-deputati fil-Parlament ta’ Ateni vvutaw biex jappoġġjaw il-ftehim storiku mal- Maċedonja, b’dan il-vot jikkonkludi t-tilwima ta’ 27 sena dwar isem din l-eksrepubblika Jugoslava li tinsab lejn it-Tramuntana tal-Greċja.

Il-vot f’Ateni kien missielet ( b’153 favur u 146 kontra), bl-Assemblea, issa, qed tapprova l-isem Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, fost l-oppożizzjoni qawwija mill-pubbliku Grieg u wara li eluf ta’ Griegi protestaw barra l-bini tal-Parlament.

Id-dibattitu fil-Parlament dam aktar minn 38 siegħa u li fih tkellmu ‘il fuq minn 200 deputat.

Il-Griegi ilhom jiċħdu l-isem tal-Maċedonja mindu r-repubblika kisbet l-indipendenza fl-1991, max-xoljiment tal-Jugoslavja antika. Dan meta l-Greċja għandha reġjun bl-istess isem (Maċedonja) u fejn l-oppożizzjoni għall-ftehim storiku hi l-aktar qawwija.

Intant, l-istħarriġ juri li l-ftehim inkwistjoni ma jinżilx tajjeb ma’ aktar minn 60 fil-mija tal-Griegi.