Żewġt irġiel, residenti Ħaż-Żebbug li għandhom 58 u 26 sena kellhom jittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kienu nvoluti f’inċident biswit il-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp ta’ Ħaż-Żebbuġ fiz-zona ta’ Wied Qirda.
Il-każ seħħ ftit wara t-tlieta u nofs ta waranofsinhar meta ż-żewġt irġiel, li huma liċenzjati u membri tal-kamra tan-nar, kienu qed jaħarqu l-iskart pirotekniku.
Għal xi raġuni żviluppa nar li wassal sabiex spiċċaw midruba. Fortunatament u skont il-prassi, il-vittmi kienu qed jiddisponu mill-iskart tan-nar f’distanza sigura mill-kamra tan-nar.
Filwaqt li fuq il-post issejħu immedjatament uffiċjali tal-Pulizija, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanzi, il-vittmi ttieħdu l-isptar għal aktar kura.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li ġarrbu ġrieħi serji. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin waqt li dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.
//= $special ?>