“Bandiera Olandiża, u NGO Ġermaniża. Il-portijiet ta’ Rotterdam u Ħamburg jinsabu miftuħa, l-Italja m’hawn xejn.”
Dan kien il-kliem tal-Ministru tal-Affarjiet Interni Matteo Salvini, b’referenza għall-bastiment Sea Watch 3 li jinsab ‘il barra minn Sirakuża. Il-Gvern Taljan qed iżomm iebes fuq il-fatt li l-portijiet kollha jinsabu magħluqin għad-dgħajjes tal-NGO’s.
Huma b’kollox 47 l-immigrant li għal darb’oħra inqabdu f’nofs kwistjoni, bejn sema u ilma, wara li l-Italja għalqet kompletament il-portijiet tagħha.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku f’Katanja staqsa jekk jistgħux jinżlu l-minuri minn fuq is-Sea Watch, bil-Prosekutur Cateruna Ajello li kitbet dokument lill-Ministeru tat-Transport, u lill-President tal-Qorti tal-Minuri. Hija appellat biex l-awtoritajiet iħarsu l-ħajja ta’ dawn il-minuri.
Għal dan iżda l-Ministeru wieġeb li fir-realtà l-minuri li hemm fuq il-bastiment għandhom 17-il sena u nofs, u għalhekk wieġbu li mhux se jaċċettaw din it-talba.
Filfatt il-Ministru Taljan Matteo Salvini reġa’ tenna li dawn l-immigranti żgur li mhumiex se jidħu fl-Italja. Hu lest li jagħtihom il-provvisti u l-mediċini li għandom bżonn iżda żgur mhux se jidħlu f’port fl-Italja. Il-Mexxej tal-Lega qed jinsisti li fl-Italja m’hemmx spazju għal aktar wasliet.
Għal dan wieġbet is-Sea Watch li fi stqarrija fakkru li l-Gvern ta’ Salvini diġà qiegħed jiġi investigat għal ħtif ta’ persuni, abbuż ta’ kariga u ksur tal-konvenzjoni SAR f’każijiet simili fejn qed jipprojbixxi lin-nies milli jitilqu mill-bastiment u jinżlu l-art.
Fl-istess stqarrija ingħad li fuq il-bastiment hemm 13-il minuri. Hija sostniet li n-nies fuq il-bastiment jinsabu taħt stress kbir u għandhom bżonn ħtieġa immedjata ta’ ħarsien u assistenza. Għalhekk talbet u għamlet appell biex dawn l-immigranti jsibu art li tilqahom.
B’referenza għal dan kollu Salvini wieġeb permezz ta’ Tweet li jistgħu jhedduh jew jinvestigawh kemm iridu, iżda hu xorta mhux se jdawwar fehmtu. Huwa qal li hemm bżonn li jkun hemm rispett lejn il-liġi Taljana u għalhekk il-portijiet Taljani se jibqgħu magħluqa.
//= $special ?>