L-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza, A4E, laqgħet b’sodisfazzjon id-direttiva l-ġdida li tagħti l-missirijiet il-ġodda d-dritt ta’ 10 t’ijiem leave – direttiva li ġiet innegozjata fuq livell Ewropew mill-MEP Malti David Casa.
F’Malta, bħalissa, l-missirijiet jingħataw jumejn biss ta’ leave meta jkollhom wild, xi ħaġa li ġiet deskritt bħala inġustizzja minn naħa tal-Assoċjazzjoni tal-Ugwaljanza.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni nnotat b’sodisfazzjon ukoll il-pass ‘il quddiem li se jassigura li xahrejn mill-erba’ xhur tal-leave għall-ġenituri se jkun imħallas. “Dan se jinkoraġixxi aktar missirijiet biex jaqsmu l-leave tagħhom mal-ommijiet,” qalet l-Assoċjazzjoni, filwaqt li faħħret ukoll ir-regoli l-ġodda li jsaħħu d-dritt tal-ġenituri u l-carers biex jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibli, kif ukoll ħamest ijiem leave għal min irid jieħu ħsieb xi qraba.
Din ir-reazzjoni wasslet wara li anke l-Malta Business Bureau, l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u l-Assoċazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti laqgħu din id-direttiva, filwaqt li nsistew li l-piż finanzjarju għal dawn id-drittijiet il-ġodda m’għandhomx jinġarru minn negozji. Xi ħaġa li anke l-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza nsistiet fuqha, li qalet “il-ħlas għal dawn id-drittijiet m’għandhomx isiru minn min iħaddem, iżda għandu jkun il-gvern li jinvesti fil-familji.”
Jingħalqu n-negozjati dwar id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol
//= $special ?>