Futbol Sport

Everton u West Ham eliminati minn Millwall u Wimbledon fir-raba’ rawnd tal-FA Cup

(Ritratt: Getty Images)

Millwall, it-tim miċ-Championship, wettqu s-sorpriża tar-rawnd meta b’gowl drammatiku skorjat fl-94 minuta minn Murray Wallace, eliminaw lil Everton 3-2 tal-Premier League wara logħba mill-aktar kumbattuta li produċiet ħames gowls. Il-gowl kien fil-fatt l-ewwel darba li l-Lions marru fil-vantaġġ wara li kienu sofrew l-iżvantaġġ darbtejn u wasal tard wisq għat-Toffees biex iwettqu reazzjoni.

Everton kienu żblukkaw l-iskor żewġ minuti qabel il-mistrieħ meta Richarlison irċieva mingħand Gomes u bix-xutt tiegħu jaħbat mad-difensur ta’ Millwall, Shaun Hutchinson u jispiċċa ġewwa – bil-gowlkiper Archer ikun indeċiż fl-azzjoni.

Iżda Millwall wieġbu mal-ewwel għad-disfatta, b’Lee Gregory jegħleb lil Pickford bir-ras għal 1-1 sal-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, is-sostitut Cenk Tosun poġġa lit-Toffees mill-ġdid fil-vantaġġ iżda l-Lions għamluhom 2-2 taħt ċirkostanzi dubbjużi meta Jake Cooper deher juża dirgħajh biex isib ix-xibka mill-ġdid. Iż-żewġ timijiet komplew jagħfsu għall-gowl tar-rebħa u kienu Millwall li sabu x-xibka għat-tielet darba meta Wallace spara ġewwa fuq l-assist bir-ras ta’ Hutchinson.

Il-logħba ta’ filgħaxija wkoll irriservat sorpriża kbira meta fl-istadium ta’ Kingsmeadow, Wimbledon ta’ League One għelbu lil West Ham, li jinsabu fl-għaxar post tal-Premier League, bl-iskor ta’ 4-2.

Ir-riżultat kien xokkanti għall-aħħar għall-Hammers li sabu ruħhom 3-0 minn taħt kontra t-tim fl-aħħar post tat-tielet diviżjoni Ingliża — bi Kwesi Appiah jiftaħ l-iskor b’xutt minn tarf il-kaxxa fil-41 minuta u bid-Dons jirduppjaw minn Scott Wagstaff, sekondi qabel il-mistrieħ.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima West Ham sabu ruħhom tlieta minn taħt b’Wagstaff mill-ġdid jegħleb lil Adrian u għalkemm Lucas Perez (57) u Felipe Anderson (71) dehru li kienu bdew rimonta, kienu Wimbledon li għalqu kull diskors bir-raba’ u l-aħħar gowl skurjat minn Toby Sibbick fit-88 minuta.

Shrewsbury Town, it-tim modest minn Shropshire li jinsabu fit-18-il pożizzjoni f’League One, kienu sekondi biss ‘l bogħod milli jeliminaw lil Wolves tal-Premier League minn din il-kompetizzjoni famuża. Intant, Wolves għandhom għalfejn jirringrazzjaw lil Matt Doherty li kien fil-post eżatt biex isalvalhom il-parità fit-93 minuta. Ix-‘Shrews’, li l-manager tagħhom hu l-eksplejer ta’ Wolves, Sam Ricketts, kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 2-0 sas-sebgħin minuta, wara li ssorprendew lill-avversarji aktar ikkwotati b’gowls ta’ Greg Docherty u Luke Waterfall.

Iżda waqt li Shrewsbury kienu qed joħolmu dwar it-tieni kwalifikazzjoni fi tliet snin għall-ħames rawnd tat-tazza, is-sostitut Raul Jimenez ħasibha xorta oħra, bil-gowl tiegħu – fuq il-kross tsa’ Cavaleiro – naqqas id-distakk, minbarra li ta saħħa ġdida lil Wolves. Mat-tmiem tad-disgħin minuta ngħatat il-konferma li l-ħin miżjud kien se jkun ta’ sitt minuti, b’Doherty isib ix-xibka bir-ras għat-2-2, fost id-diżappunt tal-plejers u partitarji ta’ Shrewsbury. Din kienet anki l-ewwel logħba tal-FA Cup bejn Shrewsbury u Wolves mill-1979 meta t-tim minn Molineux kien rebaħ replay tal-kwarti tal-finali.

Sadanittant, ma kien hemm l-ebda sorpriża għaċ-champions Ingliżi, Manchester City, li kkwalifikaw għar-rawnd li jmiss għall-ispejjeż ta’ Burnley bl-iskor kbir ta’ 5-0. Il-gowls f’din ir-rebħa faċli waslu minn Gabriel Jesus, Bernardo Silva, Kevin de Bruyne, awto gowl ta’ Kevin Long u penalty skurjat minn Sergio Aguero.

Fl-istaġun li għadda, City kienu rebħu l-Premier League u l-Carabao Cup u din id-darba huma għandhom ċans għall-quadruple peress li għadhom biċ-ċans li jiddefendu t-titlu domestiku minbarra li javvanzaw fiċ-Champions League. Dan meta t-tim ta’ Pep Guardiola anki se jiltaqa’ ma’ Chelsea fil-finali tal-Carabao Cup, fl-24 ta’ Frar.

Tim ieħor tal-Premier League, Brighton, kellu jikkuntenta b’replay wara li kien miżum (0-0) fl-Amex Stadium minn West Bromwich Albion taċ-Championship. Dale Stephens mar qrib għal Brighton meta laq at sieq il-lasta, bil-Baggies ukoll jheddu minn Adarabioyo li d-daqqa ta’ ras tiegħu stampat mal-mimduda. Intant, is-save tal-logħba wettaqha l-gowlkiper ta’ West Brom, Bond, meta, tard fil-logħba, ċaħad lil Glenn Murray minn gowl ċert.

Konfront bejn żewġ tims tal-Premier League kien dak f’St James Park bejn Newcastle United u Watford, li spiċċat f’rebħa, 0-2, għall-Hornets. Watford kellhom jistennew sat-62 minuta biex jiftħu l-iskor meta Andre Gray ikkonverta fuq il-pass ta’ Hughes għar-raba’ gowl personali tal-istaġun.

Newcastle wettqu reazzjoni u Manquillo ra t-tentattiv tiegħu maqlugħ minn fuq il-linja minn Ben Wilmot. Intant, l-aħħar kelma kienet ta’ Isaac Success li, fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, ikkonkluda mill-viċin, wara kontra-attakk, għat-tieni u l-aħħar gowl għal Watford.

Logħba oħra tar-rawnd li spiċċat fi draw ftit  jew wisq sorprendenti kienet bejn Middlesbrough taċ-Championship u Newport County ta’ League Two, b’tal-aħħar jiksbu l-parità fl-aħħar minuta tal-konfront biex aċċertaw minn replay f’Rodney Parade. Daniel Ayala poġġa lil ‘Boro fil-vantaġġ kmieni fit-tieni taqsima iżda fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud, Matthew Dolan għeleb lill-gowliper Randolph biex salva lit-tim minn Wales meta kollox kien qed jidher mitluf.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Tags