Ambjent Lokali

FILMAT: ‘Paradise Bay’ mifnija bil-plastik

L-akkwati ta’ Paradise Bay fiċ-Ċirkewwa qed jinbidlu f”post mimli plastik u injam. Dan wara li l-mewġ qalil tax-xitwa tella’ diversi oġġetti li l-maġġoranza tagħhom kienu mormija fil-baħar.

Dan jixhdu vidjo li ġie mtella’ fuq is-sit soċjali Facebook minn għaddas lokali … liema filmat jixhed ukoll l-istat tal-ibħra ta’ madwarna.

Fost il-ħafna affarijiet li sab l-għaddas Raniero Borg waqt li kien qed jesplora din il-bajja popolari mat-turisti, hemm numru ta’ kontenituri tal-plastik, bollards, qasab tas-sajd  u ħafna affarijiet oħra.

Fil-vidjo ta’ 3 minuti wieħed jista’ jara faċilment li l-plastik li jinsab f’Paradise Bay, jinsab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni qawwi bil-konsegwenza li qed jitfarrak u jsir l-hekk imsejjaħ microplastic.

Dan it-tip ta’ plastik huwa wieħed mill-akbar sfidi fid-dinja tat-tniġġiż tal-baħar, b’dawk imsejjħa ‘microplastics’ jispiċċaw inġestati mill-ħut.

F’post li tefa’ fuq Facebook, Raniero kiteb li din kienet l-agħar sitwazzjoni li ltaqa’ magħha fil-gżejjer Maltin. Hu saħaq li din il-bajja m’għadiex aktar ‘Paradise Bay’ iżda saret bajja mimlija plastik u injam.

Raniero temm jgħid li dan huwa dak li jiġri meta ħadd ma jagħti kas il-bajjiet Maltin u talab għall-għajnuna mill-Gvern Maltin kif ukoll mingħand l-NGOs sabiex tiġi mnaddfa din il-bajja.