Qed tkompli tkun waħda mill-aktar kaotika s-sitwazzjoni fil-Ħabs ta’ Kordin fejn kulma jmur qed jidher ċar li t-Tmexxija preżenti mhijiex kapaċi tikkontrolla s-sitwazzjoni li fir-rigward tad-droga jidher li ħarbet minn kull kontroll.
Diversi sorsi fil-Ħabs ta’ Kordin li f’dawn il-jiem tkellmu magħna żvelaw ħafna affarijiet li aħna mill-midja tagħna se nkunu qed noħorġu fil-jiem li ġejjin.
Omm qaltilna kif it-Tmexxija l-ġdida tal-Ħabs irnexxielha b’suċċess taqta’ ħafna affarijiet. “Qatgħu l-extended visit, lill-priġunieri neħħewlhom il-card tat-telefon; ma jħalluniex indaħħlulhom l-ikel; ma jħalluniex naħslulhom il-kutri. Irnexxielhom jaqtgħu kważi kollox. Iżda l-aktar ħaġa importanti ma qatgħuhiex… jiġifieri d-droga hi kullimkien u l-priġunieri jsibuha bl-aktar mod faċli.”
Din l-omm żiedet tgħidilna li fil-jiem li għaddew f’Diviżjoni Tnejn iddaħħal priġunier barrani. Wara xi ħin dan beda jħossu ma jiflaħx. Fi ftit tal-ħin beda jarmi l-kokaina li kellu moħbija fl-istonku tiegħu. Xi priġunieri ħadu minn dik il-kokaina. Sitt priġunieri nstabu pożittivi għad-droga u ntbagħtu f’Diviżjoni Sitta.”
Persuna oħra qaltilna li bħalissa hemm għadd ta’ priġunieri li qed jagħmlu strajk tal-ġuħ. Qaltilna li s-sitwazzjoni fil-Ħabs ta’ Kordin hi waħda ta’ inċertezza kbira. “Ħadd ma jista’ jkellem lid-Direttur jew lil ta’ taħtu. Dejjem okkupati u mħabbta dawn. Sadanittant is-sitwazzjoni fil-Ħabs sejra mill-ħażin għall-agħar.
“Meta nitkellmu ma’ xi Uffiċjali tal-Ħabs jitolbuna nagħdruhom għaliex mhux minnhom ġej. Jgħidulna li huma jkollhom jobdu l-ordnijiet tad-Diretturi tal-Ħabs. Jgħidulna li huma ma jaqblux ma’ dak li qed isir. Jgħidulna li hemm ħafna bullying fil-Ħabs.”
Fl-aħħar ġimgħa x-xenarju fil-Ħabs ta’ Kordin iċċajpar ħafna u saħansitra priġunieri qed jaraw preżenza ta’ armi fil-kurrituri tal-Ħabs li bħalha qatt u qatt ma raw qabel. Priġunier li ilu numru ta’ snin fil-Ħabs qalilna li għall-ewwel darba ra uffiċjali armati sa snienhom bl-armi tan-nar f’idhom. “Il-messaġġ lilna l-priġunieri kien wieħed ta’ provokazzjoni.”
Dan il-priġunier qalilna wkoll li t-Tmexxija tal-Ħabs qed timxi b’mod diskriminatorju mal-priġunieri. Hemm priġunieri li jitħallew jaħdmu anki jekk inqabdu bid-droga. U oħrajn jintbagħtu f’Diviżjoni Sitta għaliex inqabdu b’xi smack.
Qalilna wkoll li anki fil-ħlas lill-priġunieri qed issir diskriminazzjoni. Hemm priġunier partikulari li għamel ċertu xogħol li għalih spiċċa tħallas ħafna flus. Iżda l-kumplament tal-priġunieri għax-xogħol li jagħmlu jingħataw ir-rata fqira tal-prekarjat.
“Il-Gvern qed ifalli milli verament jeradika d-droga mill-ħabs ta’ Kordin” – il-Partit Nazzjonalista
Minkejja l-wegħdiet li d-droga se tiġi eradikata għal dejjem mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ir-realtà hija ferm ‘il bogħod tant li fil-midja ġew irrappurtati każijiet ġodda ta’ priġunieri li nstabu pożittivi għad-droga u li kellhom id-droga kokaina.
Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalita, Beppe Fenech Adami.
Jgħid li dan huwa ċertifikat ta’ falliment tal-Gvern u jekk din is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin se tibqa’ kif inhi u ma tiġix indirizzata se jispiċċaw ibatu l-priġunieri stess.
Dawn l-aħħar rapporti mhux miċħuda jkomplu jikkonfermaw kif il-Gvern Laburista falla fil-ġlieda kontra d-droga u milli jeqred id-droga fil-ħabs u dan minkejja l-ftaħir ta’ pjan għall-ħabs mill-Gvern, li issa jinsab fit-tieni leġislatura tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern għandu jġorr ir-responsabbilità ta’ dak li qed jiġri fil ħabs u għandu jieħu passi u miżuri serji biex verament jassigura li jkun hemm sigurtà fost il-priġunieri u jara li min qed idaħħal id-droga fil-ħabs jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja minnufih.
//= $special ?>