Futbol Sport

Hibernians javvanzaw fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy mingħajr tbatija

(Ritratt: James Galea)

HIBERNIANS…………. 4   FGURA U……………….. 0

Hibernians: R. Briffa, M. Dias (M. Sahanek 41’), A. Agius (T. Tabone Desira 79’), N. Radojevic, I. Ntow, D. Vella, B. Kristensen, J. Mbong, J. Degabriele, T. Fonseca (D. Xuereb 58’)

Fgura: B. Bartolo, C. Ciantar (J. Barbara 79’), J. Bugeja, T. Grech, G. Martin (I. Montanaro 72’), J.R. Vella, J. Cassar, A. Scicluna, S. Borg, M. Gauci, G. Galea (A. Williams 70’)

Imwissija: A. Agius 2’, M. Dias 23’ (H), J.R. Vella 50’ (F)

Tkeċċa: A. Scicluna 68’ (F)

Skorjaw: T. Fonseca 4’, 78’, T. Marcolino 34’, D. Vella 54’ (H)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Roberto Vella, Mitchell Scerri

Hibernians ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Fgura United 4-0 biex irritornaw għar-rebħ wara t-telfa fil-kampjonat kontra Valletta. Il-gowl kmieni witta t-triq għar-rebħa Pawlista li setgħu jikkontrollaw wara li kisbu l-vantaġġ. Id-differenza bejn tim tal-Premier u tim tat-Tieni Diviżjoni kienet evidenti, b’Fgura prattikament qatt ma jimpenjaw serjament lill-gowlkiper Rudy Briffa li beda flok Andrew Hogg.

Hibernians marru fil-vantaġġ fir-raba’ minuta meta minn korner ta’ Jurgen Degabriele, TIAGO FONSECA kien fil-post it-tajjeb biex għeleb lil Brandon Bartolo li ma seta’ jagħmel xejn fl-okkażjoni. Erba’ minuti wara, Hibernians ingħataw penalty meta r-referee Stefan Pace ordna penalty għal dak li ġġudika fawl ta’ Bartolo fuq Taylon Marcolino. Iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Andrei Agius kien salvat tajjeb minn Bartolo. Minuta wara, Tiago Fonseca falla ċans tajjeb mill-viċin.

Hibernians komplew jiddominaw u wara li daqqa ta’ ras ta’ Nemanja Radojevic kienet salvata minn Bartolo fil-21 minuta u seba’ minuti wara xutt ta’ Joseph Mbong għadda barra, huma rduppjaw fl-34 minuta. TAYLON MARCOLINO qabeż difensur u b’xutt meqjus għeleb lil Bartolo. Il-gowlkiper ta’ Fgura reġa’ kien impenjat tliet minuti wara b’xutt ta’ Marcolino li dawru f’korner.

L-iskor kompla jikber fl-54 minuta meta DUNSTAN VELLA rċieva ballun minn tarf il-kaxxa u għeleb lil Bartolo b’xutt fil-baxx. Żewġ minuti wara, xutt ta’ Marcolino kien imxellef f’korner.

Jekk Hibernians kienu qed jiddominaw, id-dominanza kibret fit-68 minuta meta Andrew Scicluna tkeċċa għal fawl ikrah. Kwarta mit-tmiem Marco Sahanek kellu xutt fil-baxx salvat iżda dan kien il-preludju tar-raba’ gowl. Free-kick ta’ Sahanek kien salvat parzjalment b’TIAGO FONSECA jkun pront u jiskorja mir-rebound.