Il-Gvern m’għandux pjan kif se jattira investiment ta’ kwalità lejn pajjiżna biex jagħmel minn Malta l-blockchain island li tant ilu jiftaħar.
Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni, Kristy Debono.
Dan wara l-aħbar li l-kumpanija DQR li kellha tagħti din il-fama lil pajjiżna diġà keċċiet l-impjegati wara biss 9 xhur f’turija ċara li l-Gvern m’għandux pjan ċar u fit-tul kif se jibni u jsaħħaħ is-settur tal-blockchain f’Malta.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jiddikjara li din hija aħbar kerha wkoll għall-ħaddiema Maltin li spiċċaw imkeċċija minn din il-kumpanija.
Il-Gvern għandu jara li jekk verament irid li Malta ssir blockchain island għandu jattira investiment sod u kredibbli minn kumpaniji rinomati u li jistgħu jipprovdu l-expertise kollha meħtieġa biex il-ħaddiema Maltin jikbru u jimirhu f’dan is-settur innovattiv.
Flok paroli, il-Gvern għandu jara li ma nkunux amateurs fl-ekonomija u jsir id-due diligence kollu fl-għoti ta’ liċenzji lill-operaturi u skrutinju fuq kumpaniji ta’ setturi oħra, fosthom is-servizzi finanzjarji, biex pajjiżna ma jibqax jitlef mill-kredibbilità u r-reputazzjoni.
Mingħajr id-due diligence serju, kif diġà rrimarkat lill-Gvern il-Kummissjoni Ewropea f’rapport ieħor aktar kmieni din il-ġimgħa, pajjiżna jispiċċa jitlef mill-kredibbilità u milli jibqa’ jattira l-aqwa investituri biex ikabbru l-ekonomija innovattiva u jimpjega liż-żgħażagħ.
Il-Gvern għandu wkoll jara li f’pajjiżna jkun hawn mhux biss il-leġislatura kollha li tippermetti dawn il-jobs innovattivi imma wkoll li jiġi pprovdut liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin it-taħriġ kollu meħtieġ għall-ħiliet mistennija minnhom fis-Seklu 21.
Il-Partit Nazzjonalista jrid investiment ta’ kwalità għal pajjiżna u mhux operaturi mhux sodi u oħrajn b’dell ta’ korruzzjoni kif rajna fis-settur bankarju. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni se jibqa’ jixpruna lill-Gvern biex iħares is-setturi li twieldu taħt Gvern Nazzjonalista u li joffru x-xogħol lil eluf ta’ professjonisti u żgħażagħ.
//= $special ?>
