F’pajjiżhom, Liran Notik u Yoad Shiran, kisbu fama għall-professjonijiet rispettivi tagħhom.
Waqt li Liran hu preżentatur fuq it-televiżjoni, attur u kantant, li saħansitra ppreżenta attivitajiet red carpet kif ukoll l-ispettakli lokali tal-Eurovision f’pajjiżu, Yoad jippubblika l-kotba tat-tfal.
Iżda l-iktar storja sinifikanti tagħhom, kitbuha f’pajjiżna meta l-Ġimgħa żżewġu lil xulxin biex b’hekk wettqu ħolma li f’pajjiżhom ma kinitx possibbli.
Minkejja li kienu mdawra minn persuni mill-komunità lokali LGBTIQ, sfortunatament għalihom ma kienx possibbli li jġibu lill-familja kollha tagħhom lejn Malta. Iżda jgħidu li l-vojt tal-familja tagħhom imlewhom il-Maltin li wrewhom tant imħabba u laqawhom bħala parti minn familthom.
Liran u Yoad iħallu pajjiżna fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla u jwegħdu li se jkomplu jirriklamaw lil pajjiżna għall-ġenerożità u l-imħabba li rċivew mill-Maltin.
//= $special ?>