Juan Guaido, il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela, ċaħad offerta ta’ taħditiet mingħand il-President Veneżolan, Nicolas Maduro, fost l-eqqel tal-kriżi politika.
Guaido, jiem ilu, iddikjara lilu nnifsu ‘Aġent President tal-Veneżwela’ b’numru ta’ pajjiżi, inkluża l-Istati Uniti, jirrikonoxxuh fir-rwol. Maduro rreaġġixxa b’li jakkuża lil Guaido bħala l-instigatur ta’ kolp ta’ stat, waqt li qata’ r-rabtiet diplomatiċi mal-Istati Uniti.
Madankollu, il-Mexxejja ta’ Spanja, il-Ġermanja u Franza illum wissew lil Maduro li jrid isejjaħ elezzjonjiiet fi żmien tmient ijiem inkella huma se jirrikonoxxu lill-Oppożizzjoni f’Caracas.
Il-President Maduro, dan ix-xahar, ħa l-ġurament għal mandat ġdid wara l-aħħar elezzjonijiet fil-Veneżwela li kienu mtappna mill-bojkott tal-Oppożizzjoni u akkużi dwar tbagħbis ta’ voti.
Intant, l-Assemblea Nazzjonali qalet li r-rwol tal-President kien ‘vakanti’ meta ma saritx elezzjoni xierqa u li Guaido, bħala l-kap tal-assemblea, kellu jkun rikonoxxut bħala Aġent President tal-pajjiż.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, illum, jiltaqa’ biex jiddiskuti l-kriżi tal-Veneżwela.
Stqarrija tal-PN dwar is-sitwazzjoni fil-Veneżwela: Nappellaw għal-libertà
Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti u jsostni l-appoġġ lill-President il-ġdid tal-Venezwela Juan Guiado. Dak li qiegħed jseħħ f’dan il-pajjiż mhu bl-ebda mod aċċettabbli għad-demokraziji fid-dinja. Id-dittatura ta’ Nicolas Madura hija kundannabbli f’kull mod. Ġabet korruzzjoni, faqar, emarġinazzjoni u divizjoni. Dan m’huwiex soċjaliżmu, huwa biss impożizzjoni awtoritarja. Nafu proprju li madwar żewġ miljun Veneżwelan kellhom jaħarbu minn pajjiżhom jitolbu l-assistenza u refuġju lill-pajjiżi ġirien. Pajjiżi u popli li ħaqqhom t-tifħir tad-dinja għax taw l-assistenza u laqgħuhom għandhom.
Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Ewropej u l-Brexit David Stellini, jinnota però li l-Gvern ta’ pajjiżna huwa kompletament sieket fuq dak li qiegħed jiġri. Il-Gvern qiegħed jaħrab mir-responsabbilità morali li għandna li naqbżu għal poplu li qiegħed ifittex li jgħix fid-demokrazzija u mhux fid-dittatura, li jgħix fis-sewwa u mhux fil-korruzzjoni. Dan huwa politikament kundannabbli.
Pożizzjoni ferm iktar gravi meta llum l-imsieħba Ewropej tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li aħna nemmnu fiha, stabbilixxew ultimatum lil din id-dittatura. Illum l-Ġermanja, Spanja u Franza ddikjaraw li jekk ma jkunx hemm elezzjonijiet ġenerali ġodda u ħielsa fi żmien ġimgħa huma jirrikonoxxu uffiċjalment lil Guiado bħala l-President leġittimu tal-Veneżwela.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk filwaqt li jingħaqad ma’ dawn l-pajjiżi jappella lill-Gvern biex jiċċaqlaq u huwa wkoll jingħaqad f’din is-sejħa, għax kull poplu għandu jkun liberu li jiddeċiedi l-futur tiegħu fil-libertà, l-ġustizzja u d-demokrazija.
//= $special ?>

