Internazzjonali

Irkuprat il-ġisem mejjet ta’ Julen li waqa’ ġo bir

Il-ħaddiema tas-salvataġġ Spanjoli li kienu qed jgħinu fit-tfittxija għal Julen, sabu l-ġisem tiegħu matul il-lejl. It-tfajjel kellu sentejn u waqa’ ġo bir fit-13 ta’ Jannar li għadda.

Kelliem tal-gvern f’Malaga qal li fis-01.25 ta’ filgħodu, it-timijiet tas-salvataġġ laħqu ż-żona tal-bir fejn kienu qed ifittxu lil Julen u sabu l-ġisem bla ħajja tat-tfajjel.

Fl-aħħar ġranet il-ħaddiema kienu qed jipprovaw jeskavaw u jħaffru fl-inħawi tal-bir biex jilħqu t-tifel li kien maqbud fil-borehole – 100 metru fond u 25 ċm wiesgħa – li kienet imblukkata bil-ħamrija. Rapporti oħra qalu li dan il-bir kien qed jintuża għas-sejba tal-ilma u ż-żejt.

It-tfajjel kien waqa’ fil-bir waqt li kien jimxi mal-familja tiegħu f’Totalan fin-Nofsinhar ta’ Spanja.

Il-ġenituri ta’ Julen diġà għaddew minn traġedja oħra sentejn ilu, meta binhom Oliver miet fl-età ta’ tliet snin minħabba problema f’qalbu.