Matul is-sena skolastika li għaddiet, il-ġenituri tal-istudenti li kienu jattendu l-iskola sekondarja taż-Żejtun kien intqalilhom li lejn tmiem is-sena li għaddiet kien se jibda pjan ta’ riġenerazzjoni u tisbieħ tal-iskola.
L-iskop ta’ dan il-proġett hu li l-iskola tkun tista’ takkomoda u tilqa’ fiha studenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw suġġetti ġdda li ġew introdotti.
Iżda x-xogħol jidher li għadu lura ferm, b’sorsi ta’ Net News saħansitra jgħidu li wieħed jista’ saħansitra jiddikjara li bilkemm għadu beda. Il-pjan kien li x-xogħol jitlesta f’sentejn, iżda s’issa waqa’ lura b’sitt xhur.
Dan kien ta’ deterrent kbir għall-istudenti tal-Year 7 minn Marsaskala u ż-Żejtun li minħabba dan ix-xogħol kellhom imorru l-skola Sekondarja tal-Ħandaq. Madankollu s’issa jindika li se jkunu ċċaqalqu għalxejn għax post għalihom ġewwa l-Iskola taż-Żejtun xorta kien hemm post, speċjalement issa li dalwaqt jonqsu l-istudenti tal-Year 11.
Iċ-ċaqlieq lejn skola ġdida, li bix-xogħol li għadu lura s’issa jidher li kienet ċaqlielqa li saret għalxejn, wasslet biex it-tfal qed iqumu ħafna iktar qabel biex mil-lokalità tagħhom imorru l-iskola tal-Ħandaq u qed jaslu dar ħafna iktar tard, għall-ħabta tal-16:00 jew 16:30 ta’ wara nofsinhar.
Il-kwistjoni mistennija toħloq ukoll sitwazzjoni negattiva fuq l-għalliema. Dan hekk kif, bix-xogħol li waqa’ lura u li mhux se jkun lest qabel il-bidu tas-sena skolastika l-ġdida, mhux mistenni li jiddaħħlu tfal ġodda fl-iskola taż-Żejtun. Dan iwassal biex ikun hemm inqas bżonn ta’ għalliema.
Il-pjan kien diġa kkritikat mill-ġenituri anke għaliex, fost oħrajn, ma ġewx inklużi faċilitajiet indoor fejn it-tfal ikunu jistgħu jagħmlu l-attività fiżika f’każ ta’ xita jew fi żmien ix-xemx ta’ Mejju u Ġunju.
Dwar din il-kwistjoni Net News bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn staqsejna dwar meta se jibda x-xogħol u meta se jkun lest.
Madankollu, minkejja li issa għaddiet kważi ġimgħa, dawn il-mistoqsijiet baqgħu injorati u għadna s’issa mingħajr tweġiba.
Fil-korrispondenza kien ikkuppjat ukoll il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li wkoll ma rrispondiex għall-mistoqsijiet tagħna.
//= $special ?>
