Sport Sport Ieħor

Naomi Osaka tirbaħ it-tieni Grand Slam konsekuttiv u titla’ fil-quċċata tar-rankings tad-dinja

(Ritratt: EPA)

Il-Ġappuniża Naomi Osaka għelbet lil Petra Kvitova 7-6, 5-7, 6-4 biex kisbet it-tieni Grand Slam konsekuttiv u telgħet fil-quċċata tar-rankings tad-dinja. Osaka li għandha 21 sena u rebħet l-Open tal-Istati Uniti emozzjonat ruħha wara li falliet tliet match points iżda reġgħet żammet il-konċentrazzjoni biex rebħet is-set deċiżiv.

Petra Kvitova kienet qed tipprova li tirbaħ l-ewwel unur maġġuri minn meta kienet intlaqtet f’idejha wara li kienet attakkat fid-dar tagħha.

Osaka kienet bit-tbissima fil-preżentazzjoni tat-trofew, b’kuntrast mar-rebħa fl-Open tal-Istati Uniti. Iżda hi kompliet bit-tradizzjoni ta’ diskorsi differenti għaliex huma qosra. Ir-rebħa dehret inevitabbli għal Osaka, qabel Kvitova kisret is-service u għamlet l-iskor 5-5 fit-tieni set, biex imbagħad rebħet 12-il punt konsekuttiv u marret fuq quddiem għall-ewwel darba mill-bidu tas-set.

Iżda wara l-waqfa, Osaka reġgħet iffukat biex fis-set deċiżiv kisbet il-vantaġġ deċiżiv li wassalha biex tirbaħ. B’din ir-rebħa, Osaka saret l-ewwel tennista mill-Amerikana Jennifer Capriati fl-2001 li rebħet it-tieni Grand Slam immedjatament wara l-ewwel wieħed.

Osaka ħadet post Simona Halep fil-quċċata tar-rankings wara li r-Rumena kienet ilha 48 ġimgħa fil-quċċata u saret l-ewwel Asjatika li saret numru wieħed tad-dinja. Hi wkoll l-iżgħar tennista li tinsab fil-quċċata mid-Daniża Caroline Wozniacki li fl-2010 kienet is-sid numru wieħed fl-età ta’ 20 sena.