Sport Sport Ieħor

Nathan Adrian iħabbar li jinsab għaddej minn trattament tal-kanċer

Il-ħames darbiet rebbieħ ta’ midalja Olimpika Nathan Adrian, ħabbar li għaddej minn trattament tal-kanċer fit-testikoli, bl-operazzjoni mistennija ssir il-ġimgħa d-dieħla. L-Amerikan li għandu 30 sena, qal fuq Instagram, li l-ħsieb tiegħu għadu li jikkompeti fl-Olimpjadi tas-sena d-dieħla f’Tokyo, li jkunu r-raba’ Olimpjadi tiegħu.

“Il-ħajja bħal 100 metru freestyle, tista’ tiġi fuqek malajr u b’saħħtu u mhux dejjem tara min qed jiġri warajk,” qal l-Amerikan li rebaħ żewġ midalji tad-deheb fir-relay fl-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016. Adrian rebaħ ukoll żewġ midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012, waħda minnhom fil-100 metru freestyle u oħra f’Beijing fl-2008.

“Riċentament mort għand it-tabib għaliex ma bdejtx inħossni tajjeb u wara ftit testijiet u viżiti għand l-ispeċjalist, sfortunatament sirt naf li għandi kanċer fit-testikoli,” kompla Adrian. Hu żied li fuq in-naħa t-tajba, qabad il-marda kmieni u diġà beda t-trattament. Adrian kompla li fi ftit ġimgħat oħra jerġa’ jirritorna fl-ilma u jitfa’ ħarstu fuq l-Olimpjadi ta’ Rio.

Fl-aħħar Olimpjadi, Adrian rebaħ midalja tad-deheb u tnejn tal-bronż, inklużi l-50 metru u l-100 metru freestyle. Fil-karriera tiegħu, hu rebaħ tmien midalji tad-deheb, tlieta tal-fidda u tnejn tal-bronż fid-distanzi t-twal fil-Kampjonati tad-Dinja.

Tags