Ma nistax inħalli din il-ħarġa tgħaddi mingħajr ma nsemmi u nsellem lil Robert Cutajar u Claudio Grech, żewġ Deputati Nazzjonalisti, li nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament tkellmu dwar it-tħassib tagħhom – u ta’ eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin – dwar l-issue taħraq tal-abort.
It-tnejn li huma kienu qed ikomplu fuq dak li qal dwar is-suġġett, fil-jum ta’ qabel, il-Kap Nazzjonalista f’konferenza politika f’Birkirkara.
Robert Cutajar aċċenna għall-fatt li ħafna Maltin huma mħassba li l-Gvern kien qed iwitti t-triq biex idaħħal l-abort ħalli jagħmel lil Malta ‘aktar moderna’. Claudio Grech reġa’ sostna bil-qawwa l-ħtieġa li jissaħħu d-drittijiet tat-trabi li jkunu għadhom ma twildux.
Meta kważi sena ilu, Claudio Grech tkellem fil-Parlament dwar l-istess suġġett, dlonk qamet ġurnalista ewlenija tas-Sunday Times u attakkat lill-Partit Nazzjonalista għall-opinjoni tiegħu rigward l-abort. F’artiklu fit-Times (online) bid-data tat-12 ta’ Frar 2018, il-ġurnalista Ramona Depares irreferiet għal dak li kien qal Claudio Grech fil-Parlament u spiċċat il-kitba tagħha hekk: “Well done, you paladins of morality, you. The world can sleep safely in the knowledge that civil rights in Malta are dead.”
Sinifikanti ħafna kien it-titlu ta’ dak l-artiklu: The PN’s radical obsession with abortion, jiġifieri l-fissazzjoni tal-PN dwar l-abort.

Mhux il-każ li hawn, fi spazju limitat, inwieġeb dwar din il-‘fissazzjoni’ tal-PN. Iżda jiġi ż-żmien li nidħol aktar fid-dettall fuq is-suġġett u fuq dan l-artiklu partikulari. Iżda għal-lum xtaqt nagħmel osservazzjoni dwar kif ikunu l-ossessjonijiet ta’ veru, billi nagħti eżempji partikulari.
Pereżempju, ossessjoni tkun meta żewġ gazzetti tal-istess publishing house jiddeċiedu li jippubblikaw għall-inqas rapport kuljum fl-ewwel paġna, għal ġimagħtejn sħaħ, dwar l-istess persuna, li fihom din tkun attakkata anki fuq affarijiet mhux-konfermati u tibbaża ruħha fuq dawk li ssejjaħ party sources, insiders, jew senior party members (bla ma ssemmi isem wieħed).
Imbagħad l-ossessjoni tidher akbar meta barra r-rapporti jkunu pubblikati editorjali li fihom issir il-proposta irresponsabbli daqskemm hi assurda u umiljanti li d-deputati Nazzjonalisti tal-PN jitilqu lill-partit u jissieħbu ma’ Marlene Farrugia. Trid tkun altru ossessjonat biex toħroġ b’assurdità ta’ din il-kwalità!
Il-PN hu ‘in good company’: U biex intemm dawn l-osservazzjonijiet tiegħi dwar l-abort, xtaqt nirrileva li filwaqt li ħafna jattakkaw lill-PN li jrid iżomm lil Malta bħala l-uniku pajjiż fl-UE mingħajr l-abort, bi pjaċir nixtieq ninfurmakom li l-kap il-ġdid tas-CDU tal-Ġermanja – l-akbar partit fl-Ewropa – Annegret Kramp-Karrenbauer, li fil-futur mistennija tieħu post Angela Merkel bħala Kanċellier tal-Ġermanja, għadha kemm reġgħet stqarret il-fehma deċiża tagħha kontra l-abort.
Minn Victor Camilleri
//= $special ?>

