Futbol Sport

Paolucci jispikka f’rebħa faċli fuq Żebbuġ Rangers

(Ritratt: James Galea)

TARXIEN RAINBOWS……….. 5   ŻEBBUĠ RANGERS……….. 0

Tarxien: A. Cassar (M. Buhagiar 67’), J. Wemmer, J. Cruz Gill, D. Zerafa, L. Grech, A. de Barros (M. Botta 67’), M. Spiteri, G. Aquilina (A. Nilsson 63’), S. Eddin Arab, R. Faria, M. Paolucci

Żebbuġ: J. Borg, S. Schembri, R. Vella (D. Pace 70’), H. Vella, A. Curmi (D. Caruana 72’), B. Muscat, J. Caetano da Silva, R. Micallef (T. dos Santos  66’), J. Farrugia, I. de Rocha Souza, B. de Souza

Imwissija: J. Cruz Gill 27’, D. Zerafa 47’, A. Curmi 56’, H. Vella 63’ (T), D. Caruana 76’, J. Farrugia 89 (Ż)

Tkeċċa: M. Spiteri 80’ (T)

Skorjaw: S. Eddin Arab 19’, M. Paolucci 34’, 59’, 65’, J. Wemmer 61’ (T)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referee: Duncan Spencer, James Muscat

Tripletta ta’ Michele Paolucci għenet lil Tarxien Rainbows biex jegħlbu lil Żebbuġ Rangers 5-0 biex b’hekk għaddew mal-aħħar tmienja tal-FA Trophy. Kif jixhed l-iskor, id-differenza bejn it-timijiet kienet evidenti, b’Żebbuġ ikunu kostretti li jiddefendu minħabba s-superjorità ta’ Tarxien. It-tieni gowl fil-logħba ta’ Paolucci qatel it-tamiet ta’ Żebbuġ li jidħlu fil-logħba, hekk kif it-tim tal-Ewwel Diviżjoni kellu bidu aħjar għat-tieni taqsima.

Tarxien marru qrib li jiftħu l-iskor wara sitt minuti b’xutt ta’ Siraj Eddin Arab li kien imdawwar f’korner minn Jurgen Borg għalkemm Tarxien ma ngħatawx il-korner. It-tim ta’ Jose Borg fetaħ l-iskor fid-19-il minuta meta Anderson de Barros għadda lejn SIRAJ EDDIN ARAB li b’xutt mill-viċin għeleb lil Borg. Seba’ minuti wara l-iskor sar 2-0. Ricardo Faria avvanza minn fuq ix-xellug u kkrossja fil-baxx lejn MICHELE PAOLUCCI li għeleb lil Borg, bil-gowlkiper ta’ Żebbuġ imiss biss il-ballun.

Paolucci mar qrib it-tielet gowl Tarxiniż man-nofs siegħa logħob b’xutt li kien salvat minn Borg. Ftit wara, Żebbuġ ħolqu l-ewwel periklu tagħhom b’xutt ta’ Igor de Rocha Souza li kien imdawwar f’korner minn Andrea Cassar.

Żebbuġ bdew it-tieni taqsima fuq l-attakk u ħolqu periklu bi free-kick ta’ Hubert Vella li kien salvat minn Andrea Cassar. Ċans ieħor għat-tim Żebbuġi fit-53 minuta bi kross ta’ Brandon Muscat lejn Andrea Curmi iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra.

Tarxien għalqu l-logħba fid-59 minuta b’azzjoni personali ta’ MICHELE PAOLUCCI li dar ma’ żewġ difensuri u spara wara Borg. Żewġ minuti wara kien Paolucci li serva lil JENS WEMMER li skorja r-raba’ gowl mill-qrib. MICHELE PAOLUCCI għaqqad it-tripletta personali fil-65 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner mil-lemin. Tarxien spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa għat-tieni karta safra Matthew Spiteri iżda ftit għamlet differenza bid-distakk bejn it-tnejn ikun wisq biex Żebbuġ jidħlu fil-logħba.