Hemm ċertu prinċipji fundamentali li meta l-Gvern jiġi biex jiftiehem ma’ kwalunkwè kumpanija ma jistax iħallihom barra jew iwarrabhom għal kollox.
Dan saħqitu Abigail Mamo mill-GRTU waqt il-programm ta’ The Malta Independent, Indepth, hekk kif spjegat li fil-każ tal-proġett propost tal-Corinthia, dawn il-prinċipji qed jiġu kompletament injorati.
Hija saħqet li għalkemm il-GRTU ovjament jaqblu mal-progress li jista’ jġib żieda tat-turiżmu f’pajjiżna – dan għandu jsir sewwa u kif huwa mistenni. Għaldaqstant, kompliet Abigail Mamo, il-GRTU ma tistax taqbel kompletament mal-imsemmi proġett.
Filwaqt li l-Ministru Konrad Mizzi saħaq li l-prezz tal-art ser tingħata lil kumpanija Corinthia ftit jew wisq abbażi tal-istess affarijiet imposti lid-DB Group għall-proġett ta’ żvilupp fil-Bajja ta’ San Ġorġ, il-ġurnal Times of Malta allegat li l-Gvern reġa’ fetaħ id-diskussjonijiet mal-Corinthia Group sabiex jemendaw it-termini tal-ftehim ta’ bejniethom wara li rċevew parir legali li hemm possibilita qawwija li ser jiksru regoli imposti mill-Unjoni Ewropea. Għal din l-allegazzjoni, il-Gvern ħassu maqrus u kellu joħroġ stqarrija jicħada.
Intant il-Ħamis fil-Prim Awla tal-Qorti Civili ddaħħal protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi minn resident tas-Swieqi, Ivan Mifsud, li jinnota kif il-proġett kif propost se jwassal għal impatt fiż-żona imma fuq kollox ksur ta’ diversi Kodiċi Ċivili.
Huwa saħaq li, skont il-liġi ta’ Malta, xatt il-baħar u l-qiegħ tal-baħar jitqiesu bħala Demanju Pubbliku u li żvilupp fuq art fid-demanju pubbliku jista’ jsir biss bil-kundizzjoni li l-iżvilupp jintuża b’mod konsistenti man-natura tal-inħawi.
//= $special ?>