Futbol Sport

RITRATTI: Sliema maħsuda u eliminati mill-FA Trophy minn Mosta

(Ritratt: Joseph Galea)

MOSTA…………………. 2   SLIEMA W……………… 1

Mosta: S. Moto Yves, G. Cuomo, K. Frendo (S. Bonnici 94’), M. Sammartino (J. Brincat 77’), D. Xuereb, R. Morisco Da Silva, D. Angan N’Guessan, T. Farrugia, A. Roach, Z. Brincat (D. Bonnici 71’), J. Cisotti

Sliema: J. Galea, M. Muchardi, K. Shaw, M. Scerri, J. De Assis, N. Ashong, F. Temile (P. Xuereb 61’), M. Sansone, G. Adamovic, S. Biancardi (J. Mintoff 76’), Y. Marzouk

Imwissija: N. Ashong 49’ (S), D. Xuereb 65’ (M), J. Cisotto 72’ (M), K. Frendo 85’ (M), J. De Assis 86’ (S)

Skorjaw: K. Frendo 21’, D. Angan 50’ (M), Y. Marzouk 42’ (S)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Theodore Zammit

Rapport: Luke Micallef

Partita li laqqgħet żewġ timijiet mill-kampjonat Premier, rat lit-tim ta’ Sliema Wanderers jiġi eliminat mill-F.A. Trophy u l-Mostin javvanzaw fil-kompetizzjoni u jgħaddu għall-kwarti finali.

Fl-ewwel ġurnata tar-raba’ rawnd tal-F.A. Trophy, Mosta u Sliema Wanderers kienu l-unika żewġ timijiet mill-Kampjonat Premier li ltaqgħu kontra xulxin. Fit-tielet rawnd Sliema kienu qalgħu lil St. Andrews bl-iskor ta’ 2-0 filwaqt li l-Mostin kienu sabuha diffiċli biex jaqilgħu lil Senglea Athletic, wara li kienu 2-0 minn taħt. Iż-żewġ timijiet iltaqgħu l-aħħar darba kontra xulxin fl-ewwel rawnd fil-kampjonat lura f’Ottubru, b’Sliema joħorġu fuq in-naħa rebbieħa 2-1.

Il-partita bdiet pjuttost kwieta b’diversi żbalji miż-żewġ naħat. Fid-disa’ minuta Younes Marzouk spara l-ballun għoli mil-lasti ta’ Mosta. Fil-21 minuta Mosta skorjaw l-ewwel gowl tal-partita. Daqqa ta’ ras preċiża u b’saħħitha minn KYLE FRENDO tefgħet lill-Mostin minn fuq.

B’dan il-gowl il-logħba qamet fuq tagħha b’diversi azzjonijiet minn kull naħa, li iżda ftit kienu perikolużi. Fl-40 minuta l-kowċ ta’ Mosta, Mark Miller, ġie mwissi verbalment mir-referee tal-partita Alan Mario Sant. Minuta wara s-Slimiżi ġabu l-gowl tad-draw. Kienet azzjoni personali ta’ YOUNES MARZOUK bix-xutt b’saħħtu fil-baxx minn barra l-kaxxa daħħal liż-żewġ timijiet jistrieħu f’parità.

It-tieni taqsima tkompliet biż-żewġ timijiet ikunu aktar aggressivi u jfittxu l-gowl li jwassalhom għall-kwarti finali tal-FA Trophy. Fil-fatt fil-50 minuta kienu Mosta li rduppjaw.

Free-kick li ngħata minn Rafael Morisco Da Silva u mir-rebound CLAUDE DAVY ANGAN tefa’ l-ballun fix-xibka għat-tieni gowl Mosti. Fit-53 minuta Juri Cisotti ħa l-ballun f’kwart ta’ grawnd u baqa’ tiela’ bih sakemm finalment qassam lil Angan, bil-ballun spiċċa f’idejn il-gowlkiper Slimiż.

Il-Mostin komplew jattakkaw. Fit-58 minuta, Massimo Sammartino xxuttja b’saħħtu minn barra l-kaxxa, bil-ballun jispiċċa barra. Is-Slimiżi min-naħa tagħhom komplew ifittxu l-gowl tad-draw. Fid-79 minuta Sliema ngħataw free-kick li nkariga minnu Marzouk li iżda ra x-xutt tiegħu jgħaddi għoli. Il-Wanderers komplew jagħfsu iżda l-isforzi tagħhom ma wasslu għal xejn.

(Ritratt: Joseph Galea)