Internazzjonali

Trump iċedi dwar ix-‘shutdown’…għalissa

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ċeda għall-pressjoni biex itemm l-itwal paraliżi tal-Gvern Amerikan fl-istorja. Intant, hu insista li d-deċiżjoni ma saritx bħala ‘konċessjoni’ iżda bil-għan ‘li hu jieħu ħsieb il-miljuni tan-nies — inklużi ħaddiema mal-aġenziji federali li ma kenux qed jitħallsu — li spiċċaw affettwati ħażin mix-shutdown’.

Wara paraliżi ta’ 35 jum, Trump għażel li jappoġġja ftehim għall-finanzjament tal-aġenziji federali għal perjodu ta’ tliet ġimgħat. Il-fondi, iżda, ma jinkludux il-finanzjament li l-President kien talab għal ‘ħajt tas-sigurtà’ mal-fruntiera tal-Messiku.

Donald Trump, qabel, kien għamilha ċara li kellu jiċħad għal kwalunkwe baġit dment li dan ma jinkludix il-5.7 biljun dollaru għall-bini tal-ħajt li kien wiegħed fil-kampanja elettorali tiegħu. Intant, id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni, li jikkontrollaw il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, irrifjutaw ċar u tond li japprovaw il-fondi għall-ħajt.

Is-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, għaddew abbozz ( b’mod unanimu) għall-konklużjoni temporanja tax-shutdown, bil-President Trump jiffirma l-abbozz bħala liġi.