Lokali

Adrian Delia b’appell għall-għaqda nazzjonali fl-għażla tal-President

F’ġieħ l-għaqda nazzjonali, il-President il-ġdid tar-Repubblika m’għandux ikun mill-kamp Laburista, iżda l-Prim Ministru għandu jsegwi l-passi tal-aħħar Gvern Nazzjonalista, li għażel President mill-kamp oppost biex ineħħi l-firda mill-pajjiż.

Tenna dan l-appell, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jindirizza folla numeruża fil-Każin tal-Partit fir-Rabat. Fl-istess waqt, ftit ġimgħat qabel tmiem it-terminu tagħha, hu sellem lill-President attwali, Marie Louise Coleiro Preca, għall-ħidma li wettqet.

Adrian Delia kompla li minkejja li l-Gvern jinsab mingħajr pjan politiku għal Malta u Għawdex, il-Partit Nazzjonalista se jkun hemm għal kulħadd.

Fost l-oħrajn, anke bil-ħidma b’risq il-Kunsilli Lokali, fejn Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista hu l-Partit tal-Kunsilli Lokali u għalhekk, se jkun qed jaħdem biex jagħti l-poter kollu u s-saħħa tad-deċiżjonijiet lir-residenti fl-irħula u l-bliet Maltin u Għawdxin.

Kompla jgħid li l-Maltin għandhom l-akbar abbiltà u l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikabbar l-ekonomija b’din l-abbiltà, mhux bħall-Gvern, li qed jagħżel li dan bil-barranin, li kontinwament qed jiżdiedu f’pajjiżna.

Adrian Delia saħaq li għall-kuntrarju tal-Gvern, li qed ineżża’ l-lokalitajiet, il-Partit Nazjonalista se jkun qed isaħħaħhom. Iżda l-Gvern ta’ Muscat hu mingħajr viżjoni u aktar ma jmur, aktar qed jeqred lil pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit se jkun qed jgħaqqad lil pajjiżna biex jagħti lil Malta u Għawdex l-aqwa u l-aħjar.

L-attività fir-Rabat kienet indirizzata wkoll mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar u mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila