Lokali

‘Fuq il-Passi ta’ Vassalli’ – 190 sena mill-mewt ta’ Vassalli

‘Fuq il-Passi ta’ Vassalli’ huwa l-isem tal-ktieb il-ġdid li ġie mniehdi il-Ġimgħa filgħaxija fil-Palazz ta’ San Anton.

L-460 paġna ta’ dan il-ktieb jigbru fihom sitta u tletin kontribuzzjoni minn riċerkaturi fl-oqsma tal-Malti kif ukoll studjużi tal-istorja ta’ Malta li jitfgħu dawl ġdid fuq Mikiel Anton Vassalli …kif ukoll għadd sabiħ ta’ ritratti ta’ dokumenti u riproduzzjoni bil-kulur ta’ ktejjeb rari, u ftit magħruf, tal-Alfabeto Maltese.

Dan il-ktieb huwa publikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin flimkien mal-Akkademja tal-Malti.

Matul is-serata tat-tnehdija inqraw siltiet mill-kitbiet ta’ Vassalli minn Manwel Mifsud u saru wkoll diskorsi minn Frans Ciappara, Liam Gauci u Lawrenz Cachia.

Fl-istess okkażjoni il-President Marie Louise Coleiro Preca kixfet lapida kommemorattiva biex jitfakkar għeluq il-190 sena mill-mewt ta’ Missier l-Ilsien Malti. Din il-lapida twaħħlet qrib iċ-ċelel li jinsabu fil-Palazz ta’ Sant’Anton … fejn huwa maħsub li nżamm arrestat Vassalli wara li ħareġ mill-Belt fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi.

Dan il-ktieb għandu jkun f’idejn l-istudjużi tal-Malti kif ukoll dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna.