Lokali

Il-Ministeru tas-Saħħa jagħti kuntratti ta’ aktar minn €3 miljun ewro lil Technoline

Waqt li d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien qed jikkritika l-kuntratt ta’ procurement esklussiv li Vitals Global Healthcare tat lit-Technoline, u meta ħabbar ukoll li l-kumpanija Steward se tkun qed tħoll dan il-ftehim, sid il-kumpanija Technoline Ivan Vassallo kien qed jingħata żewġ kuntratti li jammontaw għal aktar minn 3 miljun ewro għal tagħmir mediku fil-Paola Hub mill-Ministeru ta’ Fearne stess.

Dan kien żvelat mill-gazzetta Illum, li kompliet li l-istess Technoline inxtrat minn Ivan Vassallo fl-2016, meta l-Vitals sellfitu aktar minn 5 miljun ewro permezz ta’ kumpanija privata oħra li hu s-sid tagħha wkoll.

Dan ifisser li filwaqt li l-Vitals iffinanzjat ix-xiri tal-kumpanija Technoline, din il-kumpanija issa qed tittrebbaħ it-tenders ta’ flejjes kbar, magħmulin apposta biex jintrebħu minn Ivan Vassallo biss.

Meta Konrad Mizzi kien il-Ministru tas-Saħħa, Vitals Global Healthcare kienet iffirmat kuntratt ta’ procurement esklussiv mat-Technoline għax-xiri tat-tagħmir mediku fl-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dan ifisser li l-kompetituri kollha li riedu jipprovdu xi tip ta’ tagħmir mediku jew li riedu jipprovdu s-servizzi u l-prodotti tagħhom lil wieħed mit-tliet Sptarijiet Pubbliċi f’idejn il-Vitals, spiċċaw iridu jgħaddu minn taħt idejn it-Technoline, minkejja li din kienet ukoll il-kompetitur tagħhom.

Min-naħa tagħha, Steward Health Care issa ċċarat li mhux se tkun qed twaqqa’ l-kuntratt u l-ftehim mat-Technoline, iżda biss li jsiru xi tibdiliet.

Dan jistona ma’ dak li qal il-Ministru attwali tas-Saħħa Chris Fearne, li ddikjara li ta’ Steward se jkunu qed iwaqqgħu l-kuntratt għalkollox.