Lokali

Jaqilbu għall-aħjar l-irġiel involuti fl-inċident biswit kamra tan-nar

Iż-żewġ persuni li s-Sibt indarbu serjament waqt li kienu qed jiddisponu minn skart pirotekniku biswit il-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp ta’ Ħaż-Żebbuġ ħarġu mill-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei hekk kif qalbu għall-aħjar.

Net News jinsab infurmat li Matthew Borg ta’ 26 sena iktar kmieni l-Ħadd qaleb għall-aħjar u ttieħed fis-sala fejn pazjenti jkunu qed isofru minn ħruq.

Minn naħa l-oħra, Joe magħruf bħala l-Ġermaniż ta’ 58 sena jinsab stabbli. Iż-żewġ vittmi huma minn Ħaż-Żebbuġ.

Għal xi raġuni li għadha mhux magħrufa żviluppa nar li wassal sabiex spiċċaw midruba. Fortunatament u skont il-prassi, il-vittmi kienu qed jiddisponu mill-iskart tan-nar f’distanza sigura mill-kamra tan-nar.

Filwaqt li fuq il-post issejħu immedjatament uffiċjali tal-Pulizija, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanzi, il-vittmi ttieħdu l-isptar għal aktar kura.

Kienu diversi nies li f’posts fuq facebook esprimew id-dieqa tagħhom għal dan l-inċident. il-Banda 12th May esprimiet d-dispjaċir tagħha għal dan l-inċident sfortunat fejn esprimiet solidarjetà mas-soċjetà tagħhom kif ukoll mal-familjari tal-vittmi.

Min-naħa tagħha l-Għaqda Każin Banda San Filep f’post fuq facebook saħqet li f’isem l-kumitati u l-membri kollha tal-għaqqa turi d-dispjaċir tagħha u tawguralhom fejqan ta’ malajr.