Lokali

Joseph Muscat jistqarr li għandna problemi fl-infrastruttura

Fil-Każin Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ammetta li pajjiżna għandu problema fl-infrastruttura.

Il-konferma ta’ Muscat waslet fid-dawl tal-fatt li ħafna qed jistaqsu x’sar minnha l-wegħda li l-istess Mexxej Laburista kien għamel biex it-toroq jinbnew kompletament ġodda f’seba’ snin, bl-inkorporazzjoni tas-servizzi kollha u t-tneħħija tal-arbli u l-wires.

Iżda issa, Muscat kellu jammetti, quddiem il-folla tiegħu stess, li pajjiżna qed jiffaċċja problema fl-infrastruttura.

Sadanittant, minkejja l-ftaħir dwar it-tkabbir ekonomiku, il-Prim Ministru ammetta li l-ħaddiema fis-settur tat-Turiżmu ma jitħallsux tajjeb. Iżda minkejja l-impenn tal-Gvern li jġib eluf ta’ barranin biex jaħdmu f’pajjiżna, hu pprova jwaħħal fil-kumpaniji f’dan is-settur għax, skont hu, ma jħallsux paga tajba lill-impjegati Maltin.

Dwar id-deal tinten li għamel il-Gvern biex inewwel art li tiswa 800 miljun ewro lill-Grupp Corinthia għal ftit miljuni, Muscat ipprova jiddefendi billi qal li f’sitwazzjonijiet bħal dawn “ma tistax toqgħod tikkalkula”.

U fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti, fejn l-ammont ta’ persuni fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar qed ikompli jiżdied, il-Prim Ministru qal li l-prezzijiet qed jogħlew biex ikunu attirati lejn pajjiżna nies li jonfqu iżjed.

Din l-istrateġija tal-Gvern Laburista qed twassal biex aktar nies mhux ilaħħqu mal-ħajja, tant li wħud minnhom qed jispiċċaw jorqdu barra u mingħajr saqaf fuq rashom. Madankollu, s’issa, il-Gvern Laburista għadu ma wettaqx proġett wieħed ta’ housing soċjali.

L-attività politika kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis, li konxju bil-firda li hemm fil-Partit Laburista għal min se jieħu post Muscat fit-tmexxija tal-Partit, hu appellalu biex jibqa’ Prim Ministru.

Għal din l-istqarrija, irreaġixxa immedjatament il-Prim Ministru

Iżda, min-naħa tiegħu, Joseph Muscat kompla jixħet dawl fuq it-tluq tiegħu mit-tmexxija meta għamel għadd ta’ dikjarazzjonijiet dwar l-importanza tal-bidla, b’sinjal ċar li qed iwitti t-triq għall-għażla tas-suċċessur tiegħu.