Lokali

L-Għawdxija Michela se tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest

Iż-żagħżugħa Għawdxija Michela Pace se tkun l-Ambaxxatriċi ta’ pajjiżna fl-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest, li f’Mejju li ġej se jinżamm f’Tel Aviv. Dan wara li lbieraħ filgħaxija, iż-żagħżugħa ta’ 18-il sena iddominat ix-show mużikali li fl-aħħar ġimgħat kellu jwassal għal din l-għażla. Hi ntagħżlet bl-għażla tal-pubbliku bit-televoting.

Din is-sena, kien deċiż li r-rappreżentanza Maltija għall-Eurovision tkun dik li tirbaħ il-programm televiżiv X-Factor fuq ix-Xandir tal-Istat. Iżda dan wassal għal kritika fost ħafna awturi u kompożituri Maltin, li kkummentaw kif ma ngħatawx l-ispazju jipparteċipaw b’kanzunetti oriġinali tagħhom.

Michela Pace għelbet l-isfida ta’ Owen Leuellen, Nicole Frendo u Petra. Minbarra r-rappreżentanza fil-Eurovision, Michela mistennija tiffirma wkoll ftehim mal-kumpanija internazzjonali Sony.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Michela Pace li lbieraħ rebħet l-ewwel edizzjoni tal-X Factor Malta u b’ hekk se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision, li se jsir f’Tel Aviv.

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ ukoll lill-parteċipanti l-oħra li waslu sal-finali tal-X Factor. Dawn iż-żgħażagħ huma vetrina tat-talent li għandu l-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista jawgura kull suċċess lil Michela Pace waqt il-Eurovision.